Dr Robert Abela: Inpoġġu ċ-ċittadin qabel l-iżviluppaturi!

    Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Missejna l-qiegħ. Għandna industrija tal-kostruzzjoni b’poter li hemm bżonn jitrażżan. Kemm se ndumu nisimgħu b’bini li jiġġarraf u issa wkoll b’xi ħadd li jitlef ħajtu? – Kemm se ndumu nisimgħu paroli fil-vojt dwar kemm hi importanti l-industrija tal-kostruzzjoni għall-ekonomija ta’ Malta?

    Miriam Pace tinstab mejta qalb it-tifrik ta’ darha

    Issa daqshekk. Għax ċerti żviluppaturi qażżu lil kulħadd bl-arroganza tagħhom. Kellna niġu għal dan l-estrem li mara f’darha għall-affari tagħha tintbagħat id-dinja l-oħra kiesaħ u biered? – Se nispiċċaw naċċettaw sitwazzjoni ta’ bini jiġġarraf kull tant żmien qisu din xi ħaġa normali?

    Se nibqgħu li meta l-Gvern jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-iżviluppaturi, jiġi l-kap tagħhom jgħidilna x’qed jistennew mill-gvern, flok viċi-versa? – Jien inħossni kuntent biss meta ma narax iktar żviluppaturi resqin lejn iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jew lejn Kastilja!

    Ilu li wasal iż-żmien li nibdew inpoġġu l-interessi taċ-ċittadini komuni qabel dawk tal-iżviluppaturi. Ilu li wasal iż-żmien li jsir infurzar bis-serjetà. Ilu li wasal iż-żmien li nifirdu l-politika mill-interessi kummerċjali tal-ftit u nipproteġu d-drittijiet tal-ħafna ċittadini komuni.

    Għandi fiduċja fil-Prim Ministru, Dr Robert Abela. Nittama li t-traġedja tal-mara li mietet mirduma għallinqas isservi għal bidu ġdid għal pajjiżna fejn ma jkollokx grupp ta’ nies prattikament jiddettaw huma x’għandu jsir fil-pajjiż fil-qasam ambjentali.