Dr. Frances Oldham Kelsey u t-Thalidomide

    Fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu mietet Dr Frances Oldham Kelsey. Kellha 101 sena. Mhux qed niftakru fiha minħabba l-eta li kellha imma aktar għal dak li għamlet f’ħajjitha. Ħadmet bis-sħieħ sabiex il-pillola ‘Thalidomide’ li kienet ingħatat lin-nisa tqal biex id-dardir ta’ fil-għodu jkun ikkontrollat ma tkunx aċċettata. Kienet irsistiet ħafna sabiex aktar informazzjoni fuq din il-pillola toħroġ fil-pubbliku, tant li l-kumpannija tal-farmasewtika li ħarġitha kienet għamlet lmenti varji minħabba l-attitudni ta’ din it-tabiba għal din il-pillola.
    Kienet taħdem ma’ l-FDA (Food and Drug Administration ta’ l-Stati Uniti), għaqda li xogħolha kien li tara li dak li qed jitpoġġa fuq is-suq huwa bla periklu għal konsum tal-bniedem. Dr Kelsey kienet rikonoxxuta għall-isforzi tagħha meta l-verita ħarġet fil-beraħ wara li ħafna trabi twieldu b’difetti fiżiċi. Kienet rikonoxxuta minn numru ta’ Universitajiet, għaqdiet umanitarji u saħansitra mill-President ta’ dak in-nhar, JF Kennedy.
    It-Thalidomide kienet ħarġet għal ewwel darba fuq is-suq lejn l-aħħar tas-snin ħamsin bħala kalmant imma ftit wara bdiet tingħata lil nisa tqal fl-ewwel ġimgħat tat-tqala bħala kura kontra d-dardir ta’ fil-għodu. Twieldu eluf ta’ trabi li kellhom dirgħajhom u riġlejhom mhux żviluppati, oħrajn mietu fil-ġuf minħabba fiha.
    Ir-riċerka li kienet saret fuq l-użu tat-Thalidomide kienet iffokat fuq it-tehit ta’ din il-pillola bejn l-għoxrin (20) u s-sitta u tletin (36) jum wara li tibda t-tqala u dawn il-ġranet ġew konklużi wara ħafna intervisti ma’ dawk l-ommijiet li uliedhom kienu affettwati wara li huma ħaduha.
    Riċerka ġdida li qed issir fl-Universita ta’ Aberdeen, fl-Iskozja fuq il-fetu tat-tiġieġ u tal-ħut qed turi li ż-żmien li s-sustanza li hemm fil-pillola, għandha effett ħafna aktar fit-tul minn dawk il-ftit ġranet li kienu ġew identifikati qabel. Qed jidher ukoll li l-effetti tagħha huma ħafna aktar minn dawk li kienu ġew attribwiti lilha fis-sittinijiet. Fil-fatt kull fetu (tat-tiġieġ u l-ħut) li sar l-istudju fuqu kien affettwat b’mod differenti. Dan qed iwassal għal fatt, li hawn nies li fil-waqt li għamlu kas għal kumpens minn ħabba l-effetti tat-Thalidomide li ngħatat ommhom fit-tqala u ġew rifjutati, issa qed jerġgħu iqajmu l-kas tagħhom.
    Fis-sittinijiet deher ċar li din il-pillola qed tikkawża difetti fiżiċi u twaqqfet milli tingħata lin-nisa tqal. Imma llum din il-pillola għadha tintuża bħala parti mill-kura kontra l-Lebbra. Kif nafu, hawn Malta l-Lebbra hija parti mill-istorja passata imma mhux kullimkien huwa hekk. Fil-Brażil u fl-Indja din il-marda għadha komuni ħafna u nkwetanti.
    Sfortunatament, wara dak kollu li ġara, id-dinja donnu għadha ma tgħallmitx għax ftit informazzjoni sempliċi bħal l-fatt li din ma jistgħux joħduha nisa tqal għadha ma waslitx għand min qed ikun espost għal użu tat-Thalidomide. Illum hemm madwar mitt tarbija oħra li twiedu riċenti bl-effetti tat-Thalidomide. Skond Dr Lavinia Schuler-Faccini, professur fl-Universita ta’ Rio Grande do Sol, ‘qed nerġgħu naraw traċedja quddiemna li bi ftit sforzi tista tiġi evitata’. Il-ħtija ġejja minn nuqqas ta’ informazzjoni li faċli tingħata bħala parti mill-Promozzjoni tas-Saħħa u edukazzjoni qawwija li l-pilloli ma jistgħux jingħataw minn persuna għal oħra jekk mhux b’ordni tat-tabib. Jidher li l-Brażil huwa komuni ħafna li n-nies jieħdu pilloli minn għand xulxin mingħajr direzzjoni professjonali.  

    Sina Bugeja