Dr Andrew Borg Cardona: Dawn il-valuri ta’ “Repubblika” u “Occupy Justice”?

    Għiduli kif tista’ ma tħossokx iddiżappuntat u ddemoralizzat meta taqra dak li qal Dr Andrew Borg Cardona fil-qorti f’dawn il-ġranet: “Il-libertà tal-espressjoni tinkludi d-dritt li tkun pastaż, insolenti u vulgari …”. Dan meta kien qed jiddefendi lil min insulta lil Rosianne Cutajar, illum Segretarju Parlamentari, billi għajjarha “prostituta”.

    Tal-biki. Iva, tal-biki! – U dan il-kumment ġej mingħand min hu ħaġa waħda mal-NGO “Repubblika” u l-grupp ta’ attivisti tal-“Occupy Justice”. Bniedem li dejjem ikun minn ta’ quddiem fit-tifkiriet ta’ Daphne Caruana Galizia u f’xi azzjoni kontra l-Gvern Laburista.

    Inutli noqogħdu nippriedkaw kontra t-tixrid tal-mibegħda politika jekk min hu  involut fil-politika jiddefendi b’dan il-mod lil min jabbuża mil-libertà tal-espressjoni. Ara ma jkunx hemm xi ħadd li joħroġli bl-argument li Dr Borg Cardona għandu raġun legalment. Hawnhekk irridu mmorru lil hinn mil-liġi. Irridu nikkunsidraw l-aspett morali. Għandna nkunu psataż, insolenti u vulgari ma’ xulxin? – Dan l-eżempju li aħna li ninsabu involuti fil-politika għandna nagħtu liż-żgħażagħ u, fuq kulħadd, lit-tfal tagħna?

    Kif tista’ tieħu bis-serjetà lil min il-ħin kollu jsemmi s-saltna tad-dritt, il-governanza tajba, il-valuri fil-politika, imbagħad jaqa’ fil-baxx daqshekk? – Mhux tal-mistħija u, iktar u iktar, inkwetanti li ssib dawn il-valuri fost min imur jipprotesta kontra l-Gvern Laburista? – Kulħadd għandu dritt jipprotesta imma, kif jgħid il-Malti: “min jiskonġra jrid ikun pur”. Nistenna li min ikun ta’ quddiem fil-protesti, ikun l-ewwel wieħed li jagħti l-eżempju u mhux jipprova jagħmel l-argument li “l-libertà tal-espressjoni tinkludi d-dritt li tkun pastaż, insolenti u vulgari”.

    It-tgħajjir huwa pjaga tal-politika Maltija riċenti. Tal-biki li għaliex tesprimi l-opinjoni politika tiegħek, tiġi mgħajjar b’mod intenzjonat biss li jagħmel il-ħsara u jweġġa’. Nistaqsi jekk il-valuri ta’ Dr Andrew Borg Cardona humiex dawk ta’ “Repubblika” u ta’ “Occupy Justice”. Jekk le, għandhom minnufih jikkundannaw dak li qal.