Id-double standards ta’ Joseph Muscat u Adrian Delia

    Ix-xita kienet qed tqattar irxiex. Kont fi Triq San Ġorġ f’Għawdex, fi trejqa dejqa u mserrpa f’żona urbana mill-isbaħ, li tiġi wara l-bażilika. Tbissimli xwejjaħ donnu ried ikellimni.

    Sellimtlu u waqaft. Resaq aktar lejja u b’aċċent Għawdxi u b’vuċi soda u kalma stqarr “Iddispjaċieni li tlaqtna. Imma llum il-ġurnata nista’ nifhem sew għalfejn.” Ħarist lejh u għal ftit sekondi ma fhimtx eżatt għalxiex kien qed jirreferi. Ma kontx nafu minn Adam. “Jien insegwi l-aħbar sew” qalli, donnu biex jaċċertani.

    Bi tbissima spjegajtlu li ħidmieti bħala rappreżentant fil-Parlament għad fadlilha sal-aħħar tal-leġislatura, u komplejt intenni bi tbissima “li sa dak iż-żmien inkun wasalt għall-pensjoni.”

    Minn dejjem xtaqt li nirtira mill-professjoni u l-ħajja pubblika la nagħlaq il-wieħed u sittin. Delizzji għandi bosta u  jekk Alla jrid nixtieq ferm ingawdi s-snin tat-tielet età. Tkun grazzja. Taf x’naf, li bħala tabib iltqajt ma’ diversi esperjenzi li bis-saħħa tagħhom tgħallimt u għaraft li ħajjitna għandna nsebbħuha.

    “Jien Laburist, u lil hemm mill-għamad tal-partiġġjaniżmu, naf inwieżen il-ġrajjiet kurrenti u ma nistax ngħid li kollox miexi ħarir. M’iniex mazzun. Pajjiżna qed ikompli  jinfena bil-ħniżrijiet u dan il-Gvern mhu xejn anqas minn Gvern Nazzjonalista, meta jiġu l-ħbieb tal-ħbieb” stqarr ix-xiħ b’sogħba. Wiċċu kont taqrah. “Hu proprju għalhekk li tnikkitt meta int tlaqtna, għax int wieħed minn dawk li minn ġewwa kont tagħmel ħiltek biex tibdel ir-rotta u ma tħallix kollox għaddej,” fetaħ qalbu miegħi x-xwejjaħ.

    “Grazzi” sibt ruħi ngħidlu. “Ħafna kienu dawk li qaluli li l-politika ċċappsek, qabel ma ddeċidejt li noħroġ għall-elezzjoni.” Ħsiebi kien li nbiddel l-istil ta’ governanza għal wieħed li jħares l-interess pubbliku b’ mod assolut u kien għalhekk li ħaddant il-kunċett tal-Moviment, ispirat minn Malta Tagħna Lkoll. “Meta kont parti mill-Gvern qgħadt ferm attent li ma jistadni ħadd. Qgħadt attent li ma niżvijjax mill-prinċipji li dejjem għożżejt. Din kienet ir-raġuni għalfejn irriżenjajt mill-eżekuttiv u aktar tard minn whip,” spiċċajt infehmu.

    Ix-xita żiedet u mingħajr ma xtaqna ħallejna lil xulxin għal triqitna.

    Aktar tard, meta kont fuq il-vapur nirritorna lejn Malta mort għall-ftuħ barra fil-gallarija u ntfajt bilqiegħda fuq bank inserraħ dahri mat-tieqa tal-kantin, inħares lejn il-beraħ. Tul il-vjaġġ kont bqajt waħdi. Donnu ħadd m’azzarda joħroġ fir-riħ u r-raxx mielaħ tal-mewġ.  Il-vapur kien qasam il-fliegu minn wara Kemmuna minħabba t-temp ikrah u jien qattajt l-isbaħ tletin minuta nitgħaxxaq bil-qilla tal-baħar iħabbat mal-blat.

    Hekk kif il-vapur kien dieħel fil-port taċ-Ċirkewwa biex jirmonka, ħareġ raġel ta’ madwar erbgħin sena, xagħru llamtat bil-ġel u liebes ġakketta tad-ditta. Qabad il-poġġaman tal-ħadid b’idejh it-tnejn ponn, b’għemil li kieku xtaq jheżżu u b’leħen għoli biex nisimgħu, għax wara kollox ma kien hemm ħadd ħliefi, u b’ħarstu mifruxa fuq il-baħar, għajjat “Iġri jkollna l-mina ta’ taħt il-baħar.” Donnu ried jistedinni biex nirrispondih.

    Żammejt posti. Ma’ nies it-tip tiegħu kont iltqajt ukoll. Ngħoddhom b’bulis. Dawn flus biss jaraw.

    Fil-pront ħareġ żagħżugħ Pakistani, mimli kurżità biex iħares lejn ix-xatt. Hekk kif dan ir-raġel żbukkat lemħu, b’ħanġra daqsiex infexx jgħid “Hekk hu, hemm bżonn inżidu l-popolazzjoni fil-gżejjer tagħna ħalli nżidu aktar il-kummerċ.”

    Ħallejtu jgħid. Bqajt fommi sieket. Ma kienx il-waqt. Hekk jew hekk fehmti dwar is-suġġett kulħadd jafha.

    Sakemm il-vapur trakka, ftakart fil-mumenti diffiċli li kont għaddejt minnhom u li kien reġa’ qanqalli l-ħsieb dwarhom ix-xwejjaħ. Bħala Gvern konna żlaqna fin-niexef u l-eżempju ma baqax ikaxkar minn fuq għal isfel. Għalhekk għandna l-bulis.

    Fl-ittra tar-riżenja tiegħi indirizzata lill-Prim Ministru kont ktibt “Ma nistax ma ninnotax li xi drabi qamu diversi suspetti, li ċertu ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħadmu kontra xi wħud mill-membri tal-Gvern stess. Iddaħħlu d-double standards. Ħdimt qribek, esprimejt fehmti b’mod ġenwin u int smajtni, iżda ma nistax ngħid li dejjem kien hemm widen. Xtaqtlek il-ġid iżda r-razzjonal tiegħek ma stajtx nifhmu. Ġew użati paraventi biex fehmti titmewwet.”

    Illum, wara dawn is-snin, hemm protesta organizzata minn Occupy Justice u Repubblika kontra l-għemil pubbliku ta’ Keith Schembri. Din hi persuna li lil Malta donnha għamlitha tagħha. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tellgħet mozzjoni ta’ kundanna kontrih. Din kienet diġà qajmitha Marlene Farrugia fl-2016. Il-Partit Demokratiku kiteb lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet biex is-suġġett jiġi diskuss fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.

    Li naf hu li għandna sistema politika li la t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u lanqas il-Partit Laburista ma jridu jbiddlu. It-tnejn li huma għandhom l-istess double standards. Ftit hemm x’tagħżel bejn Joseph Muscat u Adrian Delia.

    Qed ngħixu gidba. Il-politika ta’ perċezzjoni ħakmet lil pajjiżna.

    Mingħajr sistema politika b’saħħitha ta’ istituzzjonijiet li huma vera awtonomi u indipendenti jsaltnu l-impunità u l-korruzzjoni, u tkompli tiddagħjef id-demokrazija. Il-protesta tal-lum hi sejħa ta’ azzjoni favur Malta.

    Fil-memorja tal-ġurnata tal-qtil tal-gurnalista Daphane Caruana Galazia, il-protesta qed tibgħat messaġġ ċar: Malta does not belong to ‘crooks’.