Donald Trump se jitlef f’Novembru?

    Donald-Trump

    Fl-Istati Uniti tal-Amerika s-sondaġġi kollha qed juru li Joe Biden, il-kandidat Demokratiku għal President, qiegħed igawdi vantaġġ sostanzjali fuq Donald Trump, il-President preżenti u l-kandidat Repubblikan għall-Presidenza. Madankollu, ħafna qed jibżgħu li f’Novembru li ġej l-istorja tista’ tirrepeti ruħha u jkun hemm xi sorpriża kbira bħalma ġara fl-2016 meta kważi kulħadd ħaseb li se tirbaħ Hillary Clinton iżda fil-fatt kien Donald Trump li ħareġ rebbieħ minkejja li tilef il-vot popolari. Dan għaliex kiseb maġġoranza ta’ voti fl-“Electoral College”, parti mis-sistema komplikata li għandhom l-Amerikani biex jiġi elett il-President tal-Istati Uniti.

    Hemm differenzi kruċjali bejn Trump u Biden.

    Fost affarijiet oħra, Trump huwa meqjus bħala President awtoritarju, għandu politika iebsa ħafna fuq l-immigrazzjoni, jemmen fil-protezzjoniżmu u huwa kontra l-kummerċ ħieles, u ma tantx jidher li mar tajjeb fl-alleanzi li għandha l-Istati Uniti tal-Amerika. Fil-fatt, qed issir kritika  lill-Istati Uniti talli din, taħt il-Presidenza ta’ Donald Trump, abdikat ir-rwol tradizzjonali tagħha ta’ “world leader” fil-qasam internazzjonali.

    Ta’ min isemmi r-relazzjonijiet diffiċli ta’ Trump man-NATO fejn huwa għamilha ċara li jemmen li l-membri l-oħra tal-alleanza mhumiex jonfqu flus biżżejjed biex isostnu l-alleanza u qed iħallu lill-Istati Uniti terfa’ l-piż hi. Trump qed jiffaċċja ħafna kritika wkoll dwar kif qed jitraskura kwistjonijiet ambjentali u ħareġ lill-Istati Uniti mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Xi ħaġa oħra li l-President Trump qed ikun ikkritikat fuqha hija l-mod kif ipprova jikkumbatti l-pandemija tal-Coronavirus fl-Istati Uniti fejn ħafna qed jakkużawh b’ineffiċjenza kbira.

    Min-naħa l-oħra, ħafna nies qed jaraw lil Joe Biden bħala l-bniedem li joffri t-tama li l-Istati Uniti tal-Amerika jkollha President ħafna aktar demokratiku minn Donald Trump,

    President li jista’ jwaqqaf l-imxija tal-Coronavirus u li wkoll jagħti ħafna aktar kas tal-kwistjonijiet ambjentali. Dwar l-ambjent, Biden diġà kkommetta ruħu li jekk jiġi elett President, jerġa’ jdaħħal lill-Istati Uniti bħala parti mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Hemm ukoll tama qawwija li Biden jipprattika politika dwar l-immigrazzjoni li tkun ħafna aktar umana minn dik ta’ Trump. Biden ikkommetta ruħu wkoll li jirranġa r-relazzjonijiet tal-Istati Uniti mal-alleati tagħha, partikolarment l-alleanza tan-NATO.

    Naturalment, iż-żewġ kandidati għall-Presidenza qed iwiegħdu li jekk jiġu eletti, jaħdmu biex l-ekonomija tal-Istati Uniti tirpilja mid-daqqa ta’ ħarta li qalgħet mill-Coronavirus u jinħolqu aktar impjiegi. Hawn ta’ min isemmi li l-President Trump kellu suċċess fit-tisħiħ tal-ekonomija tal-Istati Uniti u fil-ħolqien tal-impjiegi qabel waslet il-pandemija.

    Xi ħaġa li qed tinkwieta lil ħafna nies hija li Donald Trump donnu diġà qed jipprepara biex jekk ikun jidher li tilef l-elezzjoni ta’ Novembru, jagħmel minn kollox biex jipprova jirbaħ xorta waħda u dan billi jallega li kien hemm frodi fl-elezzjoni għal President tal-Istati Uniti tal-Amerika. Hemm min qed jallega li t-tim ta’ Trump diġà qed jipprepara għal dan u dawn l-allegazzjonijiet huma msaħħa mill-fatt li l-President attwali kemm-il darba semma’ l-każ tal-voti bil-posta u li dawn jagħtu lok għall-possibbiltà ta’ frodi fl-elezzjoni. Għalhekk, ħafna nies qed jibżgħu li tista’ tinħoloq sitwazzjoni li tkun agħar minn dik tal-Elezzjoni Presidenzjali tal-2000 bejn George W. Bush u Al Gore.

    Il-mistoqsija tibqa’: “Donald Trump se jitlef f’Novembru?” – Nistennew u naraw.