Blogg: Disa’ ġimgħat ilu…

    Disa’ ġimgħat ilu pajjiżna kien fl-eqqel perjodu politiku tiegħu. Żmien fejn il-partiti ewlenin iħabbtu l-ideat u l-viżjoni tagħhom għal pajjiżna. Żmien ta’ taqlib politiku li miegħu normalment iġib wkoll żmien ta’ inċertezza u waqfien mill-ħidma normali tal-Gvern. Però wara t-3 ta’ Ġunju li għadda, pajjiżna esperjenza xi realtà ġdida illi ftit jekk mhux qatt ma rajna bħalha. 
    Kważi kważi insejna li ftit tal-ġimgħat ilu konna inbakkru minn attività politika għall-oħra, minn mass meeting għall-ieħor, u nqallbu minn programm politiku għall-ieħor sabiex naraw il-politiċi tagħna jidwellaw daqslikieku kienu f’xi arena tal-gladjaturi. Insejna dan kollu għaliex it-tranżizzjoni trankwilla illi kompla jġib miegħu dan il-gvern kienet xi ħaġa li tnessik li ftit tal-ġimgħat ilu pajjiżna kien f’nofs kampanja elettorali. 
    Qed ngħixu realtà oħra ta’ Gvern li kompla għaddej bil-ħidma tiegħu mingħajr ma ħa l-ebda siesta wara r-ri-konferma tal-fiduċja fih għal darb’oħra. Qed naraw Gvern li sa mill-ewwel ġurnata ta’ din il-leġiżlatura kompla għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex jimplimenta l-programm elettorali tiegħu. Programm elettorali ambizzjuż li ġie imfassal fuq l-esperjenza pożittiva li għexna matul l-aħħar leġizlatura u l-isfidi li issa rridu nkomplu ngħelbu flimkien matul is-snin li ġejjin. 
    Bdejna naraw żewġ prijoritajiet ewlenin ta’ dan il-Gvern jimmaterjalizzaw. It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna kienet wiegħda ewlenija ta’ dan il-Gvern matul il-kampanja elettorali li għaddiet. Responsabilità li llum intefgħet fuq spallejn wieħed mill-iżgħar membri tal-kabinett Laburista li sa mill-ewwel ġurnata li ngħata r-responsabilità  tal-infrastruttura ta’ pajjiżna beda jniedi proġett wieħed wara l-ieħor sabiex inkomplu ntejbu l-infrastruttura stradali tagħna, u fl-istess ħin innaqsu l-konġestjoni tat-traffiku li spiċċa waħda mill-akbar problemi illi qed jaffaċja pajjiżna. 
    Komplejna naraw il-proġett tal-flyover tal-Kappara jimmaterjalizza, u issa nistgħu ngawdu l-ewwel frott minn dan il-proġett illi ser ikun qed itejjeb l-immaniġjar tat-traffiku f’żona li minnha jgħaddu eluf ta’ karozzi kuljum. Taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti konna nsejna xi tfisser li proġetti maġġuri jitlestew fil-ħin u skond il-budgets allokati inizjalment għalihom. Xi ħaġa illi llum saret in-norma u mhux l-eċċezzjoni minħabba attenzjoni u impenn akbar li qed naraw mim-naħa tal-Gvern sabiex f’ dan il-qasam tidħol aktar serjetà u effiċjenza. 
    Komplejna naraw lill-Ministru Ian Borg iħabbar u jibda proġett wieħed wara l-ieħor, fosthom it-twessiegħ tat-toroq madwar iż-żona tal-ajruport, il-proġett tat-twessiegħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, proġett li għalih ġiet allokata s-somma ta’ madwar €5 miljun, kif wkoll il-ħruġ tas-sejħa għall-offerti tal-Marsa Junction, proġett maġġuri ieħor illi ser ikun qed isolvi bottlenecks kbar fit-toroq arterjali tan-naħa t’isfel ta’ pajjiżna.
    Lejl u nhar qed naraw diversi ħaddiema u inġenji għaddejin b’xogħlijiet kbar f’diversi żoni oħra, fosthom fi triq biswit il-Palazz ta’ San Anton, Triq is-Sejba fl-Imqabba u Vjal l-Indipendenza l-Mosta. Beda ġmielu x-xogħol wkoll ta’ kisi mill-ġdid ta’ Triq Għexierem u tal-wesgħa tal-mużew quddiem id-Domus Rumana fir-Rabat, u kif wkoll ħarġet is-sejħa għall-offerti għall-bini mill ġdid ta’ Triq iċ-Ċawsli f’ Haż Żabbar. 
    Rajna wkoll li dan il-Gvern jibda jimplimenta l-viżjoni tiegħu sabiex isolvi problema oħra li kienet ilha tkarkar snin twal u li tista tgħid ma sar xejn sabiex tissolva fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti, dik tal-ħolqien ta’ aktar units tal-housing f’pajjiżna. Bdejna naraw il-pjanijiet sabiex żoni li wara snin twal ta’ dilapitazzjoni f’Bormla mill-lum ser ikun qed jibda xogħol fuqhom sabiex jinbidlu fi proġetti ta’ housing soċjali. Rajna lis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes iniedi l-ewwel fażi tal-proġett ta’ housing modern fis-Siġġiewi, proġett illi kif tħabbar il-kunsilliera Nazzjonalisti fl-istess lokalità bdiet tgħorokom żaqqhom u ppruvaw jagħmlu minn kollox sabiex iwaqqfuh. 
    Kompejna naraw aktar ħidma mis-Segretarjat Parlamentari imexxi minn Deo Debattista illi permezz tad-Dipartiment tal-Cleansing qed imexxi ‘l quddiem sforzi enormi sabiex inaddaf diversi żmoni madwar pajjizna filwaqt illi jgħammar diversi bajjiet u żoni turistici oħra b’ tagħmir li jkompli jsebbaħ lill dawn l-istess żoni. 
    Komplejna naraw lill-pajjiżna jeċċella fil-kisbiet ta’ aktar drittijiet ċivili wara l-ħidma ma taqta’ xejn tal-Ministru Helena Dalli li ftit jiem biss wara li Gvern Laburista reġa ngħata l-fiduċja, għaddiet mill-Parlament il-ligi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ. Pass ieħor importanti sabiex pajjiżna jibqa jimplimenta l-politika tiegħu ta’ soċjetà mibnija fuq l-ugwaljanza u t-tolleranza. 
    Rajna l-pajjiżna jkompli jeċċella ekonomikament bl-agenzija ta’ kreditu Internazzjonali Fitch tgħolli għal darb’oħra l-credit rating ta’ pajjiżna minn A għal A+. Bir-raġuni ewlenija fi kliemhom tkun dik tal-istabbilità ekonomika u politika li Jospeh Muscat irnexxielu jdaħħal f’pajjiżna. 
    Mhux ta’ b’xejn illi l-għajta ta’ Joseph Muscat matul l-aħħar kampanja elettorali kienet dik illi l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej!
     
    Dr Alex Saliba 
    Attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti