Dinja ta’ paċi

    Ma nistax ma naħsibx, u nsellem wkoll lill-vittmi li tilfu ħajjithom fl-attakki terroristiċi. Il-ħsieb tiegħi ma jiqafx biss fuq dawk li sfortunatament m’għadhomx magħna, iżda wkoll għal dawk il-qraba u ħbieb ta’ dawn il-persuni. 
    Meta tieqaf taħseb u tipprova tifhem l-uġigħ li minnu jkunu għaddejja, tistaqsi lilek innifsek; Kemm se jkun faċli għalihom li jkomplu b’ħajjithom b’mod normali u joħorġu minn din it-trawma? Jistgħu il-ħajja tagħhom terġa’ tiġi għan-normal?
    Meta tintemm ħajjet persuna b’dan il-mod, magħha tkun qed tħalli ħafna sofferenzi ta’ oħrajn viċin tagħha u ħafna drabi dawn il-persuni ma naħsbux fihom daqs kemm inkunu qed naħsbu fil-vittma. 
    It-terroriżmu ġej minn persuni li bl-Ingliż niddiskrivuhom bħala single minded. Ikollhom żelu eċċessiv li l-moħħ tagħhom jaħseb dwar ħaġa waħda biss. Dak li b’fanatiżmu qawwi tant jemmnu fih b’saħħa. Jista’ jkun fanatiżmu politiku kif ukoll reliġjuż. Bla dubju, hu x’inhu, iġib lill-persuna f’dan il-ħsieb estrem u jibda jgħix għalih biss. Ossessjoni kbira, b’interess u entużjażmu biex titwettaq dik l-attività li tant qed joħlom u jaħdem għaliha biss. U jkun ovvju li dawn il-persuni f’moħħhom ikollhom biss kif se jwettqu din il-missjoni tagħhom. Ma jaħsbux dwar ir-riperkussjonijiet kbar li jħallu warajhom, traġedji umani li jħallu ħafna niket lil dawk milquta. Finalment dawn lanqas dwar dak li jkunu se jgħaddu minnu huma ma jaħsbu. Il-ħsieb ikun biss dik il-missjoni li jrid iwettaq! 
    U b’dan il-ħsieb, moħħi ma jistax ma jiftakarx fil-kanzunetta Imagine tal-kantant leġġendarju John Lennon, li spiċċa wkoll vittma ta’ fanatiżmu. Fost affarijiet oħra, Lennon jimmaġina dinja fejn m’hemmx għalfejn ngħixu ħajja ta’ infern, ħajja fejn m’hemmx differenzi bejn il-pajjiżi u l-persuni, fejn m’hemmx ġlied fuq politika u reliġjonijiet, u fl-istess ħin jimmaġina dinja fejn kulħadd jista’ jgħix ħajja ta’ paċi qisu l-ġenna. 
    Jispiċċa jgħidilna li jista’ jkun li qed jgħix f’ħolma biex jaħseb f’dan kollu, imma bla dubju din mhix il-ħolma tiegħu biss imma ta’ ħafna oħrajn, fejn joħolmu b’dinja fejn ma jeżistix faqar, ġuħ m’hemmx, u kulħadd jaħseb f’xulxin, immatterjali l-kulur u l-opinjoni. 
    Huwa possibbli li jkollna dinja ta’ unità, ’il bogħod mill-ġlied u l-imwiet, u ma nibqgħux ngħixuh biss fil-ħolm dan? X’inhi dik l-ewwel ħaġa li jien nista’ nagħti kontribut biha?
    B’dan il-ħsieb nawgura lil kull min qed jaqra ħafna saħħa, paċi u serenità.