Dħul mingħajr permess f’għalqa

    Nhar is-16 ta’ Marzu 2016, il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, ppreseduta mill-Onor. Imħallef Joseph Azzopardi, qatgħet is-sentenza fil-kawża fl-ismijiet Antonia Pisani et vs. Grezzju Seychell.
    L-atturi huma sidien t’għalqa fil-limiti ta’ Marsaskala li sa ftit taż-żmien ilu kienet imqabbla lil ċertu Anġlu Mizzi li kien miet. Mingħajr permess u mingħajr ma kellu dritt jagħmel dan, il-konvenut Seychell qabad u daħal f’din l-għalqa u beda jaħratha. Seychell ġie mitlub diversi drabi sabiex joħroġ minn din l-għalqa, inkluż b’ittra tal-10 ta’ Lulju 2010, iżda dan baqa’ fiha. Għalhekk fl-2013 l-atturi bdew proċedimenti quddiem din il-Qorti u talbuha:

    1. Tiddikjara li Seychell kien qiegħed jokkupa l-art tagħhom mingħajr titolu validu skont il-liġi;

    2. Tordna lil Seychell sabiex joħroġ mill-għalqa; u

    3. Tordna lil Seychell anki jneħħi affarjiet li jista’ jkollu f’dik l-għalqa u tillikwida kumpens li jidhrilha xieraq.

    Seychell ippreżenta risposta fl-istess kawża fejn talab lill-Qorti tiċħad it-talbiet rikorrenti għas-segwenti raġunijiet:

    1. Illi l-atturi ma wrewx li l-art hija tagħhom;

    2. Illi l-atturi m’għandhomx pussess tal-art kollha indikata fil-pjanta annessa;

    3. Illi l-azzjoni hija preskritta; u

    4. Illi mhuwiex minnu li huwa qiegħed jokkupa l-għalqa mingħajr titolu.

    Il-Qorti għarfet li din il-kawża hija waħda li tradizzjonalment tissejjaħ actio rei vindicatoria u li għalhekk l-attur irid jipprova t-titolu tiegħu mingħajr ebda ombra ta’ dubju. Ġew ikkwotati diversi sentenzi passati tal-qrati, fosthom Giuseppe Borg vs Ġużeppi Buhagiar (Qorti tal-Appell, 1958) fejn intqal li kwalunkwe dubju jimmilita favur il-konvenut possessur.
    Mix-xhieda ta’ Seychell stess, irriżulta li Anġlu Mizzi kien iħallih jaħdem l-għalqa u għalhekk, wara l-mewt ta’ Mizzi, ippretenda li seta’ jkompli jaħdimha. Għalhekk anki sakemm Mizzi kien għadu ħaj, huwa kien qiegħed jaħdem l-għalqa f’isem Mizzi u kien jaf li Mizzi kien il-kerrej għaliex meta talbu jbigħhielu, Mizzi qallu ċar li ma setax għax ma kinitx tiegħu, tant li Seychell kien iħallas lil Mizzi li kien imbagħad iħallas lil ħaddieħor.
    Il-Qorti qalet li l-kliem “bla titolu” kellhom jinqraw fis-sens li l-Qorti kellha tkun ċerta mit-titolu tal-atturi u anki li r-relazzjoni bejn Mizzi u Seychell ma kinitx biżżejjed biex Seychell iżomm il-pussess. Madankollu, kienet tkun storja kuntrarja kieku Seychell kellu rabta diretta tal-atturi.
    Id-deċiżjoni tal-Qorti kienet li Seychell ma kienx irnexxielu jirribatti l-provi tal-atturi u għalhekk, ċaħdet l-eċċezzjonijiet kollha tiegħu filwaqt li laqgħet it-talbiet kollha tal-atturi ħlief fejn astjeniet milli tipprovdi dwar kumpens u tat xahar żmien lil Seychell biex joħroġ mill-għalqa u anki kkundannatu jħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża.

    Nota: Min jixtieq iktar informazzjoni huwa mitlub jaqra s-sentenza sħiħa li tinsab online fuq il-website www.justiceservices.gov.mt. Id-dettalji kollha meħtieġa sabiex wieħed isib din is-sentenza huma mogħtijin fl-introduzzjoni.