Delia – il-vittma jew il-ħati

    Bħalissa x-xena politika Maltija li normalment tkun relattivament kajmana f’dan iż-żmien tas-sena, hi kompletament misruqa minn dak li qed jiġri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, partikolarment hux il-każ li Adrian Delia jwarrab mill-aktar fis u jagħmel l-ispazju għal xi ħaddieħor floku.

    Dejjem sostnejt li Adrian Delia kellu l-isfortuna li fil-politika miet qabel ma twieled. Apparti li kien għadu novizz fil-politika u mill-ebda involviment fil-politika, laħaq mill-ewwel kap ta’ partit, kien hemm faxxa ta’ persuni mlaħħqa fil-partit li ma riduhx hemm u li bdew jagħmlulu l-bsaten fir-roti. Hu sigriet magħruf illi kieku l-elezzjoni għal kap ta’ partit saret kif kienet issir qabel u mhux bl-intervent tat-tesserati kieku Delia ma kienx jitla’ bħala kap tal-partit u l-kontestant l-ieħor Chris Said kien jiġri bih.

    Imma d-destin ried xorta oħra u bil-vot tat-tesserati Adrian Delia ġie nkurunat kap tal-partit, fi żmien xejn feliċi għal partit, żmien imqalleb li hu ried jiffaċċja bin-nuqqas ta’ esperjenza politika tiegħu, u bil-bsaten fir-roti li bdew isirulu minn sħabu stess.

    Il-magħmudija ta’ Delia ma kinitx biss waħda tan-nar iżda waħda ta’ bla nifs.  Dawk li kienu kontra tiegħu fil-kampanja elettorali, mhux sempliċiment aċċettaw ir-riżultat u waqfu hemm, iżda baqgħu jsammru musmar wara ieħor. Imsiemer li bdew jitwaħħlu bl-aktar mod pubbliku b’tali mod li parti mill-elettorat nazzjonalista bdiet temmen li Delia ma kienx il-bniedem adattat għar-rwol tiegħu u dan saħansitra qabel ma daqitu u qabel ma esperjenzatu.

    Fil-fatt ngħid li Delia ftit li xejn tħalla juri x’jaf u xi jsarraf. Bis-sapport ta’ dawk ta’ madwaru jkun skars u bin-nuqqas ta’ esperjenza politika tħalli l-effett tagħha, Delia beda jidher qisu f’paniku politiku, u l-paniku dejjem ħalla riżultati negattivi. Minn hemm qabad rotta fejn ma setax jieħu ruħ. Ġralu bħal bniedem li jkollu l-ġrieden f’daru u li ma rnexxilux joqtolhom, tant li fl-aħħar dawn tant jiżdiedu li jkollu jara x’jagħmel.

    Minn naħa ta’ Delia flok beda jiffoka fuq ir-rwol tiegħu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, u fuq ir-rwol tiegħu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista hu beda aktar jiffoka kif se jiddefendi u jżomm il-pożizzjoni tiegħu minflok – reazzjoni naturali iżda li fil-prattika kompliet tappnet ħafna l-immaġni tiegħu. Minn naħa l-oħra dawk li ma riduhx komplew isammru u spiċċajna bil-voti ta’ fiduċja, fejn għal darba oħra t-tesserati reġgħu kkonfermawh. Qaddisi jgħid li għall-inqas dakinhar li sar il-vot ta’ fiduċja mit-tesserati, dawk id-deputati  li kienu qed jimmilitaw kontra Delia, jekk verament ħabbew lill-partit tagħhom, messhom irrispettaw dak il-vot u ħażin jew tajjeb komplew wara l-kap elett u kkonfermat, u assistewh għall-inqas sal-elezzjoni li jmiss.

    Iżda ma ġarax hekk. Biex tagħqad, fl-isfond ta’ dan kollu kellek is-surveys politiċi li komplew jitfgħu lil Delia lura minn survey għall-ieħor.  Id-deputati li ma ridux lil Delia komplew bl-assassinju tal-karattru u min-naħa ta’ Delia kompla jirreżisti ħafna u jipproduċi ftit. Il-partit ma kien xejn f’pożizzjoni sabiħa u saħansitra kien mifni b’dejn sostanzjali. Dak li darba kien il-partit glorjuż ta’ Nerik beda jsofri minn ħsara wara oħra. L-ewwel tilef il-maġġoranza bil-kbir għal darba tnejn; imbagħad sar żball kardinali fejn tilef żewġ membri parlamentari minn tiegħu biex ħadhom il-Partit Demokratiku, imbagħad ħarġet li kien mimli dejn, imbagħad ġie elett kap li għalkemm aċċettat mit-tesserati ma kienx aċċettat mill-maġġoranza tan-nies ta’ ġewwa fosthom id-deputati li fl-aħħar mill-aħħar huma r-rappreżentanti tal-poplu.

    U issa? Issa ttieħed vot ta’ sfiduċja li għadda. Delia tilef is-sapport tal-membri tal-Oppożizzjoni. Sadanittant għadu jsabbat saqajh u jgħid li mhux se jħalli postu. Saħansitra qisu qed jimplika li anke kieku kellu jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni hu xorta jibqa’ l-kap leġittimu tal-PN. Il-President tar-Repubblika donnu jinsab f’dilemma x’se jagħmel. Minn naħa l-oħra dawk li jsammru l-imsiemer, dawn għadhom isammru. Dawk li huma favur Delia saħansitra qed jgħidu li dawk li sfiduċjawh għandhom jiġu mkeċċija mill-partit. Minn naħa ta’ kulħadd din qed tkun daqqa negattiva għall-partit u jekk wieħed ma joqgħodx viġilanti taf tkun daqqa mortali.

    Nemmen li Delia kien vittma mill-bidu nett, forsi ġabha b’idejh meta daħal bil-goff f’kamp li qatt ma kien mess miegħu qabel, iżda issa wasal f’sitwazzjoni fejn vittma jew mhux, għandu jwarrab bl-unuri qabel ma jkompli jlaqqat iżjed. Tort tiegħu jew mhux tort tiegħu, irid jammetti li din l-avventura f’ħajtu ma rnexxietx u anke jekk idum kap 50 sena oħra, la beda fuq sieq zoppa m’għandux ċans iduq suċċessi elettorali. Irid jammetti li lil dawk li għamlulu l-karriera politika nfern jekk hemm bżonn jibgħathom jixxejru, imma jitlaq. Għandu jadotta dak li qal Kristu meta bagħat lill-Appostli u qalilhom “Jekk f’xi post ma jilqgħukomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontra tagħhom”.