Deċiżjonijiet diffiċli għall-Gvern: saħħa jew ekonomija?

    OPM Kastilja

    Fil-ġlieda kontra l-COVID-19 wasalna fi stadju delikat ħafna f’pajjiżna. Dan għaliex filwaqt li jidher ċar li bil-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-ġlieda qed tintrebaħ, xorta jibqa’ l-fatt li dan qed isir bi prezz għoli negattiv għall-ekonomija ta’ Malta.

    Għandek is-sitwazzjoni xejn sabiħa tal-Air Malta. Għandek negozji li qed jikkunsidraw it-tkeċċija ta’ numru ta’ ħaddiema. Għandek ħaddiema li diġà tilfu ħobżhom. Għandek it-turiżmu prattikament wieqaf għal kollox. Għandek Għawdex li tista’ tgħid spiċċa maqtugħ għalih, bid-dannu kollu li dan iġib lil din il-gżira li tibbaża ħafna fuq id-dħul mit-turiżmu.

    Fi ftit kliem, għandek sitwazzjoni fejn aktar ma tieħu prekawzjonijiet u aktar ma dawn idumu, aktar se tkun ċert li l-COVID-19 eventwalment jisparixxi mill-Gżejjer Maltin. Min-naħa l-oħra, iktar ma jdumu l-prekawzjonijiet li jaffettwaw ħażin l-ekonomija ta’ pajjiżna, iktar din se ddum ma tirkupra u akbar se jkunu d-danni għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

    Il-Gvern Malti għalhekk irid isib bilanċ bejn l-interessi tas-saħħa tal-poplu u dawk tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Ngħiduha kif inhi, mhix deċiżjoni faċli, anzi hija deċiżjoni diffiċli u delikata ħafna. S’issa l-Gvern Laburista ħareġ bl-unuri għax iż-żmien qed juri li d-deċiżjonijiet li ttieħdu kienu dawk korretti fiċ-ċirkostanzi.

    Nawgura li l-Gvern jibqa’ juri l-istess konsistenza, maturità, serjetà, u effiċjenza fit-tmexxija ta’ pajjiżna f’dan iż-żmien diffiċli.