Dawn l-imberkin tfal!!

    children-going-to-school
    Miguela Xuereb

    Niggustawhom, jirrabjawna, nammirawhom, nagħmlulhom kuraġġ, jinkwetawna, jiddiżapuntawna, jagħmluna kburin… dawn huma t-tfal tagħna. Filwaqt li qed jgħixu fi żmien delikat ħafna, hu żmien sabiħ li joffri sfidi kemm għalihom u anke għal dawk li huma responsabbli tagħhom. L-iżvilupp emozzjonali, soċjali u fiżiku tat-tfal, għandu effett dirett fil-preżent u fuq dak li se jsiru bħala adulti.

    Dan qed jiġi sostnut b’mod speċjali llum hekk kif qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tat-Tfal. Dan il-jum ġie ċċelebrat l-ewwel darba fl-1954 biex jippromovi fuq livell internazzjonali l-għarfien fuq it-tfal u l-benesseri tagħhom. L-20 ta’ Novembru hi data importanti għax l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda adottat id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, u kienet fl-istess data tal-1989 li l-Assemblea Ġenerali addottat il-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal.

    It-tfal tiggustahom, sakemm ma jkunux irritabbli fl-imġiba tagħom. Meta t-tfal iġibu ruħhom ħażin, l-istint naturali tagħna hu li nippruvaw insolvu dik l-imġiba jew saħansitra nirranġaw lit-tfal stess. Inkunu ċerti li huma qegħdin fil-ħażin u li hemm bżonn jittranġaw illum qabel għada. B’dak li nibdew nagħmlu u ngħidu faċilment nibdew nirrepetu skript li minn jaf kemm-il darba tennejnieh… għax f’għajnejna dak hu li għandhom bżonn jisimgħu t-tfal. Madanakollu, qabel ma t-tfal iriduna ngħidulhom dak li għandhom bżonn jisimgħu, iriduna qabelxejn nisimgħuhom. Biex nisimgħu, irridu nisktu u ma ngħidu xejn. Hemm bżonn li nisimgħu dak li għaddejjin minnu; dak li qed itaqqlilhom ħsibijiethom u qalbhom. Xi kultant irridu nisimgħu wkoll is-silenzju u l-kwiet tagħhom. Irridu nosservaw l-imġiba tagħhom għax xi kultant tkun tqila li jesprimu dak li jħossu bil-kliem. Infatti jesprimuh billi joħorġuh fl-imġiba ‘ħażina’ tagħhom.

    Iriduna mhux biss nisimgħuhom imma wkoll nifhmuhom. Nifhmuhom billi nidħlu fiż-żarbun li qed jilbsu huma llum u mhux biż-żarbun li konna mdorrijin nilbsu meta konna tal-istess età tagħhom. Id-dinja, iċ-ċirkustanzi u r-realtà li jgħixu fihom illum huma ferm differenti minn dak li trabbejna u kbirna fihom aħna. U din hi parti mill-isfida li joffrulna t-tfal illum. L-isfida li nifhmuhom!

    Forsi ngergru li t-tfal dejjem iridu u qatt mhuma kuntenti. Iżda waqafna u ħsibna jekk wara kollox hux qed intuhom dak li verament għandhom bżonn u mhux affarijiet tal-mument li jistgħu jissodisfawhom għal dak il-ħin biss (apparti li jħallu lilna kwieti)? Mhux neċessarjament li dak li jitolbu bilfors għandhom bżonnu. U dak li qed intuhom mhux bilfors hu ta’ bżonn għalihom iżda jista’ jkun li hu ta’ bżonn għalina. Xi kultant wieħed jista’ jinkwieta għax ma jkunx ċert jekk qed ilaħħaqx ma’ dak li verament għandhom bżonn it-tfal. Madanakollu t-tfal ma jridux il-gadgets, ħwejjeġ għoljin, jew logħob. Iridu biss l-attenzjoni u l-imħabba.

    Iridu spazji miftuħa, mifruxa madwar Malta u Għawdex li jkunu nodfa u sikuri fejn ikollhom fejn jiġru, jilagħbu, jaqgħu, iweġġgħu, iqumu u jkomplu jiġru u jilagħbu.

    Ikollhom ambjent fejn jistgħu jesprimu dak li qed iħossu mingħajr il-biża’ li jistgħu jsibu widnejn magħluqa jew li jiġu ġġudikati.

    Iridu edukazzjoni li mhux biss tagħti informazzjoni imma wkoll formazzjoni tal-karattru u tal-persuna. Edukazzjoni li tgħinhom jikbru fil-ħsieb biex ikunu kapaċi jistaqsu u jikkritikaw b’mod kostruttiv u matur. Ma jridux soċjetà li tiddetta ideoloġija, aġenda partikulari jew tagħmilhom skjavi ta’ dak li tridhom jisimgħu. Min-naħa l-oħra jridu li jiżviluppaw huma r-raġunament tagħhom u jimirħu fil-ħolm tagħhom.

    Iridu li dawk li huma responsabbli tagħhom jgħaddu l-ħin magħhom. Ma jagħmlu xejn ħlief li jkunu magħhom. Għal uħud jista’ jidher ħin moħli fejn jista’ jiġi użat b’mod aħjar, anke għal ġid tal-familja stess. Iżda ħin mat-tfal hu investiment fihom għall-preżent u għall-futur. Mhux neċessarjament li tagħmel affarijiet magħhom ta’ barra minn hawn daqskemm li tkun magħhom. Jista’ jkun li qed niffukaw iktar fuq x’nagħmlu magħhom milli li nkunu magħhom.

    Iridu opportunitajiet fejn imantnu l-kreattività, jiskopru t-talenti, jaħlu l-enerġija. Sfortunatament, il-ħinijiet twal quddiem l-iscreen tal-laptop u gadgets oħra joħonqu ċ-ċans biex it-tfal jiżviluppaw b’mod sħiħ il-potenzjal li għandhom.

    Iridu lill-kbar jaċċettawhom kif inhuma fil-verità u mhux jarawhom u jittrattawhom kif jixtiequ jarawhom.

    Iridu d-dixxiplina bi mħabba, struttura li ttihom direzzjoni u jitgħallmu jqassmu sew dak li għandhom.

    Iridu ambjent li jilqagħhom fejn isibu l-komfort, mingħajr tensjoni, ansjetà u biża’ li tista’ tinqala’ xi waħda. Iridu ambjent stabbli u sikur u mhux jispiċċaw arma f’idejn dawk li suppost huma responsabbli tagħhom biex permezz tagħhom jivvendikaw ruħhom minn xulxin.

    Iridu l-konsistenza fejn l-adulti kollha li jiltaqgħu magħhom (kemm id-dar, skola, għaqdiet, u entitatjiet oħra) jiġbdu lkoll ħabel wieħed u jaħdmu flimkien fit-tisħiħ tal-karattru tagħhom. Dan isir permezz ta’ komunikazzjoni u koordinazzjoni bejn dawk kollha huma involuti.

    Iridu sapport emozzjonali permezz tal-kliem u l-azzjonijiet li jirċievu mingħand dawk li huma responsabbli minnhom. B’hekk ikunu kapaċi jafdaw, jirrispettaw, ikollhom stima tajba tagħhom infushom, u jkunu indipendenti f’dak li jagħmlu.

    Iridu li jkollhom sehem fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom direttament u mhux jintużaw biss fuq faċċata ta’ xi dokument ieħor.

    Iridu lil dawk li huma responsabbli tagħhom jerfgħu verament ir-responsabbiltà ta’ ġenituri u jrabbuhom bi mħabba u b’għożża.

    Dan kollu ħa jgħin, biex meta ‘l quddiem isiru adulti u jieħdu l-istat tagħhom, ikunu jistgħu jħarsu lura b’nostalġija, u b’memorji sbieħ ta’ tfulija fejn jixtiequ li wliedhom stess jgħaddu mill-istess tfulija.

    Bini kbir, sabiħ u għoli jibqa’ wieqaf jekk ikollu pedamenti sodi li jifilħu għal kull eventwalità. Tletin sena ilu l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat struzzjonijiet ċari kif għandhom ikunu dawn il-pedamenti tat-tfal tagħna. Hu fid-dmir tagħna biex bit-tisħiħ olistiku tagħhom minn meta jkunu żgħar jikbru f’persuni ta’ sinsla u karattru sod… u verament jagħmluna kburin bihom!!