Dawn bnedmin

    Li nheddu bi vjolenza huwa – ħażin.

    Li nwettqu vjolenza fiżika – ħażin.

    Imma li ngħattu x-xemx bl-għarbiel – ħażin ukoll.

    Imma l-iktar ħaġa faċli għall-politiċi hija li nużaw dijalettika li terġa’ tikkriminalizza nies li kienu fuq dgħajsa għal 40 jum jaqalgħu l-baħar ġo fihom, ftit jafu x’ħa jiġri minnhom.

    Issa naturalment ħa jkollna l-Oppożizzjoni tipprova tirkeb xi ftit fuq il-karru anke jekk hi kienet li applawdiet lill-Gvern ta’ Muscat, dakinhar, fl-2018, meta wkoll ħalla nies f’nofs ta’ baħar. Allura skużani imma lanqas l-Oppożizzjoni m’għandha xi jedd morali jew sagrosant tpoġġi fuq l-għolja onorabbli. M’għandhiex dritt titkellem jew tikkritika lill-Gvern għax is-saħħa fit-tmexxija hija meta d-diskors isir kif għandu jsir u mhux skont fejn hu l-angolu tal-kamera.

    Ilna nittrattaw lis-suwed b’ dan il-mod.

    F’moħħna huma speċi inqas għal ħafna minna. Nikkonsidrawhom tas-sekonda klassi fejn il-mannara lesta biex tinżel fuqhom jagħmlu x’jagħmlu u jkun qed jiġrilhom xi jkun qed jiġrilhom.

    Iva spiċċajna biex ħloqna sistema ta’ ‘krimigrazzjoni’, fejn l-immigrazzjoni, ċioè t-talba għall-għajjut saret att ta’ kriminalità u fejn in-narrativa ta’ swied il-qalb, ta’ tbatija, ta’ wġigħ u ta’ disprament tittrasforma ruħha f’pika jew turija ta’ id soda. Fejn il-ħniena tintesa’ u l-mibegħda tiġi mlibbsa b’ diskorsi politiċi. U b’ hekk nimtlew b’rabja ġo fina lejn dawn il-persuni għax ninsew li l-faqar u l-esklużjoni ħolqu fihom sens ta’ ġenn. Ninsew li meta inti tiġi pinġut darba wara l-oħra bħala skart tas-soċjetà tibda titlef l-iskop tal-ħajja. Ninsew li s-sistemi soċjali tagħna jiżvantaġġjaw din il-minorità li qed jaħarbu mit-terrur. Minflok aħna nsiru komdi nilbsu kappestru hux – u nerġgħu għal darb’oħra nidisprezzawhom.

    Qabel m’aħna se niftakru li dawn il-persuni huma nies tad-demm u l-laħam, jibqgħu biss kommodità konvenjenti biex jiġbrulna ż-żibel, iseftrulna bla waqfien (u l-oxxenità li nkunu qed nagħtu permessi uffiċjali biex dawn jiġu sfruttatti), li jimsħulna l-ħ**a għax fl-isptarijiet m’hemm ħadd iktar li lest jagħmel dan ix-xogħol, jiġbru ż-żibel għax m’ hemm ħadd li lest ibattal l-iskip u l-lista tkompli.

    Imma mbagħad bl-aktar mod ċiniku u sarkastiku nitfgħuhom u neżiljawhom f”dgħajsa tal-pjaċir’ u għax nitilquhom hemmhekk minsijin minn Alla u mill-bniedem naħsbu li din mhix aktar ‘problema’ – għax taf inti, bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb – anke jekk bil-flejjes kbar li konna qed nonfqu probabbli stajna għamilna wisq aktar biex dawn l-erwieħ jingħataw tama fejn jistħoqqilhom.

    Anzi nistennew li jirringrazzjawna għax inpoġġuhom f’detenzjoni jew f’kaxex għal xhur u snin!

    U r-rispons istituzzjonali tagħna kif qed ikun?

    Ir-rispons tagħna qed ikun iffondat fuq il-militarizzazzjoni u mhux l-edukazzjoni, ir-repressjoni u t-tarki u mhux l-integrazzjoni, fejn minflok ninvestu flusna f’sistemi ta’ kura u appoġġ fil-komunitajiet ninvestu aktar f’armi, taħriġ tas-suldati u l-korpi u għodod ta’ kontroll.

    Nafu b’fatt li s-sistemi ta’ oppressjoni ma jservu għal xejn ħlief li persuna ssir ‘numb’ u titlef kull sens ta’ emozzjoni, tiżżarma, tikkollassa minn ġewwa bi ħsara li ħafna drabi hija rreparabbli.

    Dawn nies li għal tant żmien il-midja wriethom bħala mostri u l-istituzzjonijiet poġġewhom f’dawl tant ikrah (tiftakru d-dħul fil-Qorti u x-show li kien sar bihom?).

    Dawn nies li saru biss problema meta jfettlilna u mili tat-toqob meta ninħtieġu… skajvitù neo-liberali u anti-Kristjan bħal qatt ma rajt qabel. U jekk mhux ħa noqogħdu attenti s-Cisse Lassanas se jiżdiedu. U hemm riskju li ħa nrawmu storja ta’ oppressjoni iktar milli rakkont ta’ ħniena kif dejjem kellna s’issa kull meta ta’ madwarna ntasbu fl-għawġ.

    Jien ma ridtx inkun prodott ta’ storja kattiva imma prodott fejn iva stajt batejt ftit biex miegħi għexu nies fil-bżonn – għax kieku jien qiegħed fuq dik in-naħa rrid inkun imwieżen u mhux mormi.

    U allura rridu nkunu viġilanti li ma nsirux poplu definit mill-insensittività lejn issues ta’ immigrazzjoni, imma nħaddnu din ir-realtà, inkomplu nissieltu bid-diplomazija u l-buon sens mal-Ewropej li telquna, li nsibu spazju anke jekk hemm bżonn nitgeddsu ftit għal dawn il-bnedmin, li jkollna diskors politiku fejn nużaw aġġettivi ta’ ħniena u mhux ta’ qilla.

    Sakemm ninħanaq nibqa’ ngħid.

    Issa tibda ħierġa dijareja ta’ ħdura wara tali post. Ma jimpurtax. Jien nibqa’ nistiednek biex taħseb ftit – ma ridtx inbiddlek, nixtieqek biss tirrifletti.