Daphne, Joseph u l-Gvern

    Fuq il-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia smajna u qrajna ħafna. Frankament ngħid illi ħafna nies xebgħu jisimgħu dwaru. U għaliex? Għaliex ħafna minn dak li jingħad huwa bla sugu u jeżisti biss f’moħħ min qed jiffabrikah u li jista’ jkollu għanijiet speċifiċi.

    Assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia 

    Naqbel illi dan l-omiċidju mhux bħall-omiċidji l-oħra. Hu omiċidju ta’ persuna li f’Malta kien jafha kulħadd u li kienet waħda mill-ġurnalisti l-aktar segwita f’pajjiżna. Kienet ġurnalista investigattiva. Iżda bħal kull ħaġa oħra, kollox irid jinżamm fid-dimensjoni tiegħu u bħal f’kollox ikun żball li jinħareġ mid-dimensjoni appożita tiegħu.

    Hekk ġara fil-każ ta’ Daphne. Mill-ewwel faxxa partikolari ta’ nies bdew jippuntaw subgħajhom lejn il-Gvern Malti daqslikieku dan id-delitt kien xi ħaġa li l-Gvern seta’ kien involut fiha jew seta’ waqqaf milli ssir. Aktar minn hekk l-attakk kien direttament fuq il-persuna tal-Prim Ministru stante illi din il-faxxa ta’ nies riedet b’xi mod timmina s-suċċessi li kien qed jagħmel il-Prim Ministru. L-għan ta’ din il-faxxa ta’ nies kien wieħed ta’ dak li bl-Ingliż jgħidulu character assassination, u ċioè fejn wieħed jipprova jħammeġ u jkerrah lil ħaddieħor, għal gwadann tiegħu nnifsu.

    Jidher illi l-għan ta’ dawn in-nies ma rnexxiex u l-Gvern Malti taħt il-Prim Ministru baqa’ għaddej bis-suċċessi tiegħu. Minn naħa l-oħra l-attakki baqgħu hemm. Ċert li l-Gvern għamel kull ma seta’. Ġab diversi korpi investigattivi barranin u wassal lil min kien direttament involut sal-bibien tal-Qrati. Ħaġa li mingħajr l-isforz żejjed tal-Gvern, ma kinitx se tkun possibbli f’ċirkostanzi normali.

    Iżda għal dawn in-nies dan ma kienx biżżejjed. L-atti baqgħu, il-paroli baqa’, l-allegazzjonijiet baqgħu, l-insulti baqgħu u t-tfigħ tat-tajn baqa’. Anzi ma kienx hemm ħaġa waħda li għamel il-Gvern li ma ġietx ikkritikata negattivament. U fin-nofs ta’ dan kollu għal darba oħra jisfa l-mira l-Prim Ministru personalment. Dawn in-nies estendew il-kritika negattiva barra minn xtutna biex għamlu ħsara irriversibbli lil pajjiżna. Għalkemm ġie użat il-qawl ta’ tattika Ruman “divide et impera” ċioe “ifred u saltan” jidher li dan ma ħadimx għax għalkemm iż-żerriegħa tal-firda nżergħet u forsi nibtet xi ftit ukoll, min ried isaltan ma saltanx.

    Konvint li l-Gvern għadu qed jaħdem biex isolvi l-każ kompletament u jekk hemm xi nies li fadal jitressqu lejn il-ġustizzja dan isir. Iżda ħadd ma għandu jippretendi li dan isir sakemm tfaqqa’ subgħajk. Kien hemm ħafna każijiet inklużi delitti politiċi li baqgħu qatt ma ssolvew minkejja l-intervent tal-gvernijiet. Ma nemminx li dan se jkun wieħed minnhom, iżda fejn l-affarijiet mhumiex faċli, wieħed irid jagħti l-ħin opportun. Wieħed l-anqas għandu jxekkel l-investigazzjonijiet. Hekk pereżempju nemmen li xejn ma jgħin illi jkun hemm ġurnali jew għaqdiet illi għax ikun hemm xi ħadd fesfsilhom xi ħaġa f’widnejhom, joħorġu fil-beraħ jiftaħru u jgħidu li għandhom idea tajba dwar min hu l-persuna wara l-qtil. Tbassir bħal dan xejn ma jgħin lill-investigaturi.

    Jidher biċ-ċar illi l-faxxa ta’ nies li semmejt aktar ‘il fuq li toriġina kjarament mill-Partit Nazzjonalista, għalkemm forsi llum ma tħosshiex daqshekk parti minnu, qed tagħmel minn kollox biex tkun negattiva. Topponi għal kollox u għal kull ma jsir, għax temmen li hekk se tkidd lil Gvern.  Ma nemminx illi l-interessi ta’ din il-faxxa ta’ nies huma unikament li jissolva b’suċċess il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, u li finalment issir ġustizzja ma’ kull min hu involut, inkluż mal-vittma nnifisha. Anzi nemmen illi fil-moħħ ta’ dawn in-nies aktar ma jitwalu l-affarijiet aktar aħjar. Dawn in-nies li issa dejqu lil kulħadd u li nefħu barra l-proporzjon tiegħu qed jagħmlu ħażin ħafna, u dan għandhom bżonn jirrealizzawh qabel ikun tard wisq, u qabel ma jirrealizzaw li se jkunu sparaw għal saqajhom stess.