Daphne: Ispirazzjoni mhux biss f’ħajjitha imma anke wara li qatluha – Casa

    Miguela Xuereb

    F’waħda mill-ewwel intervisti li kont tajt lill-ġurnalisti wara li qatlu lil Daphne Caruana Galizia, kont wegħedt li wħud mill-affarijiet li bdiet hi, permezz tal-ħidma ġurnalistika tagħha, se nkomplihom jien fil-kariga tiegħi ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. Nemmen, b’sens ta’ umiltà, li dan irnexxieli nagħmlu kemm bil-ħidma fuq riżoluzzjonijiet u rapporti li fihom issir referenza għal Malta, kif ukoll b’ħidma ma’ ġurnalisti internazzjonali li żvelaw, fost l-oħrajn, informazzjoni importanti b’rabta mal-kumpanija sigrieta 17 Black.

    Meta mbagħad, il-Parlament Ewropew eleġġieni biex inkun Kwestur – jiġifieri parti mill-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew – kont impenjajt lili nnifsi li nara li isem Daphne Caruana Galizia ma jkunx imnaqqax biss mal-bieb tal-kamra tal-konferenzi tal-aħbarijiet fi Strasburgu, iżda anke fuq premju li jirrikonoxxi l-ħidma kbira li jwettqu ġurnalisti investigattivi madwar l-Ewropa kollha.

    Kull min jafni, jaf kemm għandi għal qalbi l-ħidma tal-ġurnalisti, u kemm naħdem biex anke jinbidlu l-liġijiet li jissalvagwardjaw il-ħidma tal-ġurnalisti investigattivi. Issa, dak li ħdimt fuqu fl-ewwel xhur tiegħi bħala Kwestur, anke flimkien mal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Heidi Hautala, beda jħalli l-frott, hekk kif il-Bureau tal-Parlament Ewropew approva l-Premju Daphne Caruana Galizia, li issa, jien, flimkien ma’ kollegi tiegħi fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kommunikazzjoni tal-Parlament Ewropew, se nkunu qed nabbozzaw ir-regoli u l-mod ta’ kif dan il-premju se jkun implimentat.

    Din hi waħda mill-akbar differenzi bejn il-Parlament Ewropew u l-Gvern Malti. Fuq naħa għandek il-Parlament Ewropew li rrikonoxxa l-ħidma ta’ Daphne Caruana Galizia, mhux biss wara li qatluha, iżda anke qabel meta sejjaħ għal azzjoni konkreta fuq skandli li kixfet hi bħal tal-Panama Papers u tal-bejgħ tal-passaporti. Fuq in-naħa l-oħra, għandek il-Gvern Malti li mhux talli għalaq għajnejh għal kull skandlu li żvelat Daphne Caruana Galizia, iżda talli għamel kampanji moqżieża kontrieha, u li saħansitra wassal, anke skont dak żvelat fl-aħħar jiem, għall-qtil tagħha ftit aktar minn sentejn ilu.

    Jien kburi li Daphne Caruana Galizia mhux biss kienet ta’ ispirazzjoni f’ħajjitha, bl-istejjer investigattivi tagħha, iżda anke wara li qatluha, tant li l-qtil tagħha mhux biss wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru, iżda diversi istituzzjonijiet iridu li l-isem ta’ Daphne jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-professjoni ġurnalistika madwar id-dinja. Jien kburi li qed nagħmel il-parti tiegħi biex dan iseħħ.