Daphne Eroj Maltija

    Daphne Caruana Galizia

    F’kull soċjetà jkun hemm persuni li jibqgħu mfakkra għall-kisbiet tagħhom. Bosta minn dawn ikunu politiċi, li jkunu saħħru warajhom il-mases. Però kważi dejjem l-eżaltazzjoni għal dawn tal-aħħar tibda tmajna wara li jitilqu jew jitteħdilhom minn idejhom il-poter. Fil-każ ta’ dawk il-persuni li aħna nsejħu eroj, jiġri bil-kontra. Ħafna drabi s-sagrifiċċju estrem tagħhom jiġġenera sens ta’ apprezzament qawwi fil-konfront tagħhom wara mewthom, li biż-żmien ikompli jitkattar u jinfirex.

    X’jagħmel persuna eroj? Qabelxejn, imġiba erojka tikkonsisti f’att ta’ servizz lil ħaddieħor fil-bżonn jew biex jintlaħqu l-ideali. It-tieni, atti erojċi jsiru b’mod volontarju, fis-sens li anke jekk isiru waqt il-qadi tad-dmirijiet tal-persuna konċernata, l-individwu jkun ħareġ barra minn triqtu biex jilħaq l-oġġettivi tiegħu. It-tielet, atti erojċi jkunu tali meta l-persuna tkun wettqet l-azzjonijiet filwaqt li tkun konxja mir-riskji u l-prezz li possibilment ikollha tħallas. Fl-aħħarnett, imġiba erojka hi tali li ma ssirx bi ħsieb ta’ gwadann personali.

    Il-mod kif Daphne Caruana Galizia eżerċitat il-professjoni tagħha ta’ ġurnalista, speċjalment fl-aħħar snin ta’ ħajjitha, għandu dawn l-elementi kollha. Dan tirrikonixxih id-dinja kollha, għajr għal ftit aktar min-nofs il-popolazzjoni Maltija, sforz l-indottrinazzjoni qerrieda tal-partit fil-gvern u tal-kollaboraturi tiegħu. Iżda ċerti veritajiet huma tant kbar li ma tistax toħnoqhom għal dejjem.

    Konvint li fi ftit snin oħra Daphne se tieħu l-post li jixirqilha fil-memorja kollettiva ta’ pajjiżna. L-akbar monument għal Daphne mhux dak li riedu jeqirdu Joseph Muscat u Owen Bonnici fl-isforz tagħhom biex jgħattu dnubithom u joħolqu firda fost il-Maltin, iżda t-tnaqqix ta’ isem Daphne fl-imħuħ ta’ miljuni ta’ persuni madwar l-erbat irjieħ tad-dinja.

    M’għandi l-ebda dubju li fi żmien mhux imbiegħed, l-Istat Malti għad jagħmel apoloġija formali għall-fatt li ppermetta li jinħolqu ċ-ċirkustanzi biex tinqatel ġurnalista u għall-fatt li għal snin wara li nqatlet l-Istat ma tahix l-istima li jixirqilha. Dakinhar inkunu nistgħu ngħidu li l-istituzzjonijiet tagħna huma parti mis-soluzzjoni li dan il-pajjiż tant jeħtieġ.

    Konvint li ma jdumx ma jasal żmien meta prim ministri u kapijiet tal-istat Maltin jirrikonoxxu pubblikament u bla tlaqliq in-natura erojka ta’ Daphne Caruana Galizia.

    Studenti ma jdumux ma jsiru jafu minn fuq il-bankijiet tal-iskola li ġurnalista ġġieldet, akkost li tilfet ħajjitha, xibka ta’ kriminali, politikanti u uffiċjali pubbliċi li ġabu lil pajjiżna għarkopptejh. Isiru jafu li bis-sagrifiċċju estrem tagħha, Daphne ggarantitilhom futur diċenti.

    Nemmen li mexxejja futuri tal-Partit Laburista għad jikkundannaw l-aġir oxxen tal-predeċessuri tagħhom Joseph Muscat u Robert Abela. Dak li għamlu l-gvernijiet laburisti f’dawn l-aħħar seba’ snin huwa ferm agħar mill-vjolenza u l-korruzzjoni tal-gvernijiet laburisti tat-tmeninijiet. Li kieku mhux għas-sistema perfezzjonata ta’ klijenteliżmu mħaddma mill-gvern, kieku r-riperkussjonijiet elettorali diġà bdew jinħassu.

    U meta se jseħħ dan kollu? Il-bidla diġà bdiet. Keċċejna prim ministru, iċ-chief of staff tiegħu u żewġ ministri, avolja sa erbat ijiem qabel f’għajnejn ħafna dawn kienu jidhru li ħadu dawn il-gżejjer b’ċens perpetwu.

    Iżda fadal passi kbar xi jsiru. Qabelxejn, irridu li ssir magħrufa l-verità kollha u ssir ġustizzja sħiħa fir-rigward tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fir-rigward ta’ kull min ikkontribwixxa biex inħolqu ċ-ċirkustanzi li ppermettew li Daphne tinqatel u fir-rigward tal-oxxenitajiet l-oħra li wettqet ix-xibka ta’ kriminali, uffiċjali pubbliċi u politikanti li għamlu pussess fuq dan il-pajjiż.

    Fl-istess waqt, dik il-parti mill-Maltin li trid bidla radikali fid-direzzjoni li pajjiżna qabad, hi għatxana u determinata li twettaq rivoluzzjoni fil-mentalità tas-soċjetà Maltija. Irridu nerġgħu niżirgħu ż-żerriegħa tal-valuri li huma l-bażi ta’ soċjetà tassew demokratika u fejn l-istituzzjonijiet bil-fatti jimpenjaw ruħhom attivament favur il-ġid komuni. Se niżguraw li dan iseħħ.

    Robert Aquilina, President, NGO Repubblika