Dan hu r-riżultat

    Dan huwa r-riżultat li qed nieħdu wara li l-policies dwar l-għoli tal-bini bdew jiġġebdu fl-2005 u komplew jitgħawġu fl-2015.

    Minn limitazzjoni ta’ għoli ta’ żewġ sulari kien hemm dik li ssejħet bħala “Height Relexation Policy” fl-1993 li żiedet sular minflok żewġ sulari u semi-basement f’inħawi ġodda. Policy li bil-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet tagħha kienet tagħmel sens.

    Fl-2005 fuq pariri ta’ numru ta’ periti li kienu involuti wkoll fl-iżvilupp (dak iż-żmien ma kienx hemm l-MDA), ġiet permessa penthouse kull fejn kien hemm permess biex l-għoli jilħaq tliet sulari.

    Fl-2015 ma bqajniex nitkellmu bil-limitazzjoni tal-għoli f’numru ta’ sulari iżda f’għoli limitat b’kejl ta’ metri, biex hekk kif wieħed ibaxxi l-għoli ta’ kull sular, spiċċajna naraw binjiet b’għoli ta’ erba’ sulari u penthouse u xi daqqiet anke semi-basement.

    Barra li issa l-iżvilupp sar aktar ikkumplikat bħala struttura, dawn komplew jidfnu l-qalba tal-bliet u l-irħula tagħna, għaliex dawn il-binijiet wasslu sa mal-periferija tal-Urban Conservation Areas. Dan il-każ fil-qalba taż-Żejtun huwa eżempju tipiku fejn fuq wara jmiss ma’ numru ta’ palazzi u djar li l-biċċa l-kbira huma skedati.

    L-aħħar ritratt meħud minn wieħed mill-eqdem sqaqien li nsibu fiż-Żejtun, b’bini fih li jmur lura għas-seklu 16 jew saħansitra qabel.

    Barra l-problema tat-tibdil u tiġbid fil-policies, hemm nuqqas kbir ieħor. Il-pressjoni dejjem tiżdied biex jinħarġu l-permessi bla dewmien, li rat il-bidu tagħha lejn l-aħħar tas-snin 90, qagħtet għal kollox il-possibiltà li l-case officer iżur is-sit qabel ma jirrakkomanda l-iżvilupp. B’hekk il-proċess sar kompletament desk study mingħajr ma wieħed ikollu ċans jistudja l-ambjent fejn se jsir l-iżvilupp u wieħed ikollu jaqa’ biss fuq l-informazzjoni provduta mill-perit.