Coronavirus: L-egoiżmu u l-injoranza ta’ ċerti nies qed thedded is-saħħa ta’ kulħadd!

    Coronavirus6

    Fi żmien ta’ kriżi nazzjonali huwa assolutament neċessarju li kull ċittadin t/jobdi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tal-pajjiż. Għalhekk, ma nistax nifhem kif tibqa’ ssib nies li minkejja l-avviżi kontinwi biex in-nies iżommu ‘l bogħod minn xulxin (“social distancing”) minħabba t-theddida tal-Coronavirus, xorta joħorġu bla bżonn u jiltaqgħu mal-ħbieb tagħhom f’xi parti jew oħra tal-Gżejjer Maltin.

    Meta nirrifletti fuq dan l-aġir irresponsabbli għall-aħħar, nasal biex nikkonkludi żewġ affarijiet: jew li ċerti nies huma verament injuranti u ma jistgħux jifhmu li l-Coronavirus mhuwiex xi ħaġa taċ-ċajt imma jista’ jwassal anke għall-mewt, inkella li tant huma egoisti u totalment immaturi li biex jieħdu ftit sigħat pjaċir ikunu lesti jipperikolaw ħajjithom u dik ta’ ħaddieħor.

    Nies bħal dawn hemm bżonn jiftakru li t-theddida tal-Coronavirus mhix biss waħda medika imma anke ekonomika. Iktar ma jdum il-virus f’pajjiżna, iktar tikber it-theddida tat-telf tal-impjiegi u ħsarat oħra liċ-ċittadini ta’ Malta u Għawdex. Din il-ġimgħa stess ċempluli żewġ koppji żgħażagħ inkwetati għall-aħħar għaliex il-kumpaniji tagħhom spiċċaw kważi weqfin mix-xogħol u jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk, ma jafux x’se jkun il-futur tagħhom. Dan meta dawn iż-żgħażagħ għadhom jibdew il-ħajja miżżewġa tagħhom u għandhom self qawwi fuq id-dar li jgħixu fiha kif ukoll diversi responsabbiltajiet oħra.

    Imbagħad jiġik xi ħadd li x’jimpurtah minn dan kollu u minn ħaddieħor! – L-aqwa li nieħdu gost, mhux hekk? – Emmnuni, jaqbdek il-biki tal-frustrazzjoni meta tara kemm hawn min hu egoist kif ukoll injurant fl-istess ħin. Bl-irresponsabbiltà tagħhom iġibu fix-xejn ix-xogħol tant tajjeb li qiegħed isir mill-ħaddiema tagħna fil-qasam tas-saħħa.

    Ejjew kollha kemm aħna nobdu b’mod skrupluż l-ordnijiet li ningħataw mill-awtoritajiet ta’ pajjiżna u nevitaw kull tip ta’ attivitajiet li permezz tagħhom jinġemgħu n-nies flimkien. Iktar ma ngħelbu l-isfida tal-Coronavirus malajr, iktar inkunu nistgħu nerġgħu nibdew il-ħajja normali ta’ kuljum kif kienet qabel.

    Mela naġixxu b’għaqal, responsabbiltà, maturità, u altruiżmu.