Clean Up

    Din il-ġimgħa qsamt diversi esperjenzi fuq Facebook dwar l-aħħar ġranet tal-btala li qed inqatta’ barra minn xtutna. Meta nagħsar dak li ktibt u l-kummenti ta’ diversi ħbieb li rċivejt bħala risposta, ninduna l-għożża li aħna lkoll għandna għall-ġmiel naturali u kemm bħala poplu mixtieqa minnu. Malta għandha wirt gawhri, iżda qed nitilfuh.

    Ninsab f’tarf il-blat, miexi f’mogħdija mal-kosta ta’ Franza, f’żona magħrufa bħala l-pink coast minħabba l-lewn tal-blat żonqri. M’għandix kliem biex niddiskrivi s-sbuħija tal-madwar. Il-jum inzerta xemxi, temperatura friska u viżibiltà tajba. Għalhekk dalgħodu malli qomt, bis-soltu basket tal-kanvas imdendel ma’ spallejja, tlaqt għal għonq it-triq.

    F’mument minnhom hekk kif dort kantuniera blat għoli, ġejt ħesrem ħdejn rampa biex id-dgħajjes jitniżżlu jew jittellgħu mill-baħar. Kienet l-akbar li qatt rajt. Ħassejtha ftit stramba, imma wara ftit intbaħt li qribha kien hemm maħżen żgħir u tabella li jindika li kien wieħed mill-postijiet tas-salvataġġ tal-protezzjoni ċivili Franċiża. Ħarist diversi drabi lejha u minkejja l-meded ta’ art u wesgħat ta’ ibħra slavaġ li kont rajt tul triqti, id-dehra tagħha baqgħet tberren f’moħħi.

    Dritt għan-niżla… Ċluff, ġol-baħar b’tisbita. Għedt bejni u bejn ruħi: ‘Min jaf kif tinżel dgħajsa kieku ma jkunx hemm irbit mal-winċ? Dik rankatura li jkollha…  U la tinżel, mur tellagħha! Kemm ikollok titħabat?‘ Tbissimt.

    Fil-ħajja tal-lum l-għajta hi nofs il-bejgħ, u fuq kollox hi l-kredibbiltà u l-ħila ta’ entità jew ta’ persuna li l-aktar li tispikka. Dan hu dak li jħoll u jorbot.

    Minkejja ċ-ċokon, pajjiżna għandu potenzjal uniku. Ġara li l-gvern infena b’ċertu deċiżjonijiet ħżiena, u li minħabba fihom Malta tilfet triqitha u l-kredibbiltà tagħha, biex ma ngħidx ukoll l-identità tagħha. Li hu żgur hu, li l-gvern spiċċa kompliċi biex il-fibra morali tmur il-baħar. L-għaqal fil-governanza nbiegħet. Ir-ruħ soċjali ntilfet. Id-dell saħħari tal-korruzzjoni sewwisna. Il-libertinaġġ ħa post id-dritt tal-libertà. Il-bżulija u l-meritokrazija għebu. Il-kilba tal-poter issarfet f’interessi personali.

    Jiddispjaċini sal-mewt li ma rnexxilix nibdel r-rotta għas-sewwa fil-leġiżlatura l-oħra. Miżuri tajba ttieħdu u kien hemm mumenti fejn pajjiżna kellu bżonn gvern PL. Għalija kienet leġislatura xi ftit jew wisq diffiċli għax f’ċertu oqsma kienet ġlieda mal-kuxjenza. Il-ħażin ma jista’ qatt jitpinġa tajjeb. Internament ħdimt fuq li ħdimt biex jitħarsu l-lealtà lejn pajjiżi u d-dinjità tal-persuna. B’impenn, ippruvajt biex f’ċertu oqsma tinstab it-triq tar-responsabbiltà għas-sewwa. Ma rnexxilix, minkejja li kien hemm bżonn shake up. Meta kien f’waqtu, u għal diversi drabi, żammejt sod mal-prinċipji u esprimejt fehmti b’għemili.

    Meta rriżenjajt, stajt bqajt gallarija. Ma tanix d-demm. Malta tiġi qabli. Isseħibt mal-Partit Demokratiku. Il-valuri tiegħu kienu dawk li jien dejjem ħaddant. Dawk l-istess valuri li PL fil-gvern kien warrab meta waqqa’ l-maskra. Ħriġt għall-elezzjoni mal-Forza Nazzjonali fejn il-PD u l-PN ntrabtu fuq ħames kundizzjonijiet biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Kien ċans tad-deheb għas-sistema politika Maltija. Xtaqt ferm li titwarrab il-ħakma ta’ ħażen li minn żmien għal żmien nawret iż-żewġ partiti l-kbar, u tinqabad rotta ġdida, għax partit ġdid f’koalizzjoni, minkejja li hu żgħir, ikollu s-saħħa jżomm r-riedni.

    Il-poplu għażel. 

    Għall-ewwel darba mill-indipendenza ‘l hawn il-poplu għandu t-tielet partit fil-Parlament. Mill-bank tal-oppożizzjoni tkellimna, ipproponejna u ħdimna mingħajr ma ninsew l-lealtà lejn pajjiżna. L-avvenimenti li seħħew f’din il-leġiżlatura komplew ċajpru l-integrità tas-settur finanzjarju, ġiet mhedda d-demokrazija bil-qtil ta’ Daphne, iddgħajfet is-saltna tad-dritt, inqered il-bilanċ ġust biex l-awtoritajiet indipendenti u awtonomi jaħdmu ‘l bogħod mir-riedni tal-gvern, għamlu sfreġju fl-ambjent, komplew jitħarbtu l-assi ta’ Malta Tagħna Lkoll….U biex ngħaqqdu l-għoqda, kap ġdid tal-Oppożizzjoni farrak u fired l-oppożizzjoni.

    Illum, ftit aktar minn sena wara mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, ninsabu bejn sema u ilma, nitħabtu biex pajjiżna, bħal qoxra tal-baħar, jibqa’ fwiċċ l-ilma u jerġa jiġbor ġieħu. Hemm bżonn salvataġġ. It-triq biex nirkupraw mhix faċli għax pajjiżna laħaq, anzi ngħid qabeż, il-linja  tas-sostenibbiltà f’ċertu oqsma u fix-xena internazzjonali tħammarlu wiċċu. Għandna bżonn clean up mhux biss għat-tindif tal-ambjent madwarna, sija jekk hix art, baħar jew arja, imma fil-mod kif jitmexxa pajjiżna. Il-poter dewwed s-sistema politika u ħakem id-demokrazija.

    ld-duwa ta’ dawn is-sintomi ta’ mard hi l-politika tal-konvinzjoni u t-trawwim mill-ġdid tas-sens ċiviku. Mhux faċli, imma mhux impossibbli. It-telgħa tar-rampa biex tittella’ d-dgħajsa hi iebsa.

    Hemm ħafna x’jitwettaq. B’ottimiżmu nkompli naħdem għal Malta li hi tagħna lkoll.