Ċerti Nazzjonalisti jaħsbu li l-Gvern huwa rigal li wirtu!

    Tinnotaw kif kull darba li jkun hemm il-Partit Laburista fil-gvern, dejjem jirxoxtaw ċerti individwi u ċerti gruppi soċjali ta’ opinjoni politika Nazzjonalista li jibdew kampanji ta’ protesta dwar diversi aspetti tal-amministrazzjoni tal-pajjiż? – Tinnotaw ukoll kif malli dawn jilħqu t-tir tagħhom u jerġa’ jkun hemm gvern Nazzjonalista fil-poter, il-protesti immedjatament imutu mewta naturali u ħadd ma jisma’ bihom aktar?

    Sfortunatament għal pajjiżna, għad hawn numru ta’ Nazzjonalisti li baqgħu dejjem jaħsbu li l-partit tagħhom donnu għandu xi dritt sagrosant li dejjem ikun hu fil-gvern u, għalhekk, fi spirtu totalment anti-demokratiku, jagħmlu minn kollox biex jimminaw ix-xogħol ta’ gvernijiet Laburisti. Donnhom jaħsbu li d-dritt li tkun fil-gvern huwa xi rigal li wirtu mingħand nannuhom u mhuwiex il-manifestazzjoni u l-implimentazzjoni tar-rieda sovrana tal-poplu Malti!

    Għax kif tista’ tgħid li dan mhux minnu meta tħares madwarek u tara protesti kontinwi fuq prattikament kollox li jsir taħt il-Gvern Laburista preżenti? – Jekk isiru proġetti tant meħtieġa ta’ infrastruttura, isiru l-protesti. L-istess, fejn tidħol l-ekonomija. Ekonomija li hi fost l-aħjar u l-aktar b’saħħitha fl-Ewropa tiġi kkritikata saħansitra dwar il-mudell ekonomiku li hi bbażata fuqu. Naraw ukoll ħatriet potenzjali ta’ Laburisti Maltin f’entitajiet Ewropej jiġu sabutaġġjati.

    Il-Kap Nazzjonalista, Dr Adrian Delia, flimkien ma’ Dr Louis Galea, jistgħu jagħmlu riformi kemm iridu fil-partit tagħhom. Biss, kollha jkunu totalment inutli jekk ma jikkontrollawx grupp żgħir ta’ Nazzjonalisti li qatt ma riedu jaħdmu id f’id ma’ gvern Laburista u li t-tir tagħhom dejjem kien u baqa’ li jimminawh f’kull okkażjoni li tippreżenta ruħha.

    Dawn il-formazzjonijiet anti-gvern Laburista ilhom jeżistu f’pajjiżna sa mis-snin għoxrin tal-aħħar seklu. Dawk kollha li bħali studjaw sew l-istorja politika ta’ Malta, jafu li dan it-tfixkil strutturat u ppjanat ilu jeżisti minn żmien il-Gvern tal-Compact immexxi minn Gerald Strickland. U baqa’ sejjer sal-ġurnata tal-lum, sew fi żmien il-Gvern Laburista mmexxi minn Dr Alfred Sant u anke llum fi żmien Gvern Laburista mmexxi minn Dr Joseph Muscat.

    Madankollu, il-fatt jibqa’ li l-maġġoranza kbira tal-Maltin xebgħu darba għal dejjem minn dawn il-kummiedji u iktar ma jsir tfixkil, iktar jitwal iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ fl-Oppożizzjoni.

    Meta se jitgħallmu?