“Ċempilli fil-Milied u ried jiltaqa’ miegħi”

    Milied

    Min iħawwad fil-borma jkun jaf x’fiha. U l-istess meta fil-familja jew meta tkun ma’ xi ħadd qrib, jista’ jitkellem bl-esperjenza u mill-ġewwieni ta’ qalbu dwar l-isfida ta’ pjaga soċjali oħra, dik tal-alkoħol. L-agħar li jmorru huma dawk li jgħixu mal-protagonista u wisq aktar meta dan jew din ma jammettux li għandhom problema serja xi jsolvu f’ħajjithom. F’dawn iż-żminijiet li għadna kif għaddejna minnhom, jispikkaw xi ftit aktar dawn il-bnedmin bl-iskuża li qegħdin jiċċelebraw. Imma tinnota l-problemi kbar li jġibu magħhom, bħal kliem bla sens u fil-vojt, jikxfu kulma jafu anki ħwejjeġ personali familjari, jaqlgħulek l-inkwiet anki waqt festini żgħar familjari fost oħrajn. Imma l-kbira hi li tarahom jiskruplaw b’ħaddieħor, anki jekk jixorbu l-alkoħol, imma mbagħad tagħhom ma jarawhx.   Kulħadd ħażin, imma huma tajbin. U għalhekk l-aktar li jbatu huma dawk li jgħixu magħhom, l-aktar fejn hemm relazzjonijiet matrimonjali u dawk familjari. Il-fatt li ma jagħrfux u ma jaċċettawx li għandhom problema – HEMM PROBLEMA KBIRA –  li jġibu magħhom sfidi oħrajn.

    Xi wħud jippruvaw jagħmlu ħilithom u jippruvaw joħorġu mill-vizzju, imma sakemm ma tfittixx l-għajnuna ta’ min hu professjonali, qatt ma tista’ tkun faċli. Bla dubju dan l-istil ta’ ħajja jisraq il-ħajja ta’ dawn, imma wkoll ikisser ħajjet min jgħix qrib tagħhom. L-iskużi ma jiqfux, daqqa biex jiċċelebraw, daqqa bl-iskuża li huma mdejqin u xi kultant bl-iskuża biex jinsew problema li jkunu daħlu fiha huma stess.

    X’ġegħilni nikteb dwar din l-isfida?

    Mela nhar il-Milied fl-4pm kelli telefonata ta’ raġel ta’ 33 sena. Staħa minni li f’Jum il-Milied, qed iċempilli u jitlob li niltaqgħu. Tlabtu jiġi għandi d-dar b’mod immedjat. Malli poġġa bilqiegħda nfaqa’ jibki. Qalli li l-Milied jobogħdu, u li kull sena l-istorja tirrepeti ruħha. Missieru dejjem fis-sakra, jispiċċa jisfratta l-ikla tal-Milied li hu flimkien ma’ ommu jdumu jippreparaw għaliha l-ġimgħat. Mar lura 20 sena, meta jiftakar lil missieru jfarraklu l-Bambin tal-Milied li tant kien għal qalbu, u li kien qala mis-Soċjetà tal-Museum. Jiftakar telaq ’il barra mid-dar, jiġri fix-xita fit-toroq tar-raħal tiegħu, bla ma jaf fejn kien sejjer. Ommu marida bil-kanċer dejjem tbati fis-skiet u hu magħha. Jibża’ jġib lit-tfajla d-dar minħabba fih, għax dejjem b’xi praspura. Mhux ħutu kollha jersqu fil-Milied minħabba fih.  Hemm min ħutu li ma jridux jafu bih, minħabba din il-problema tax-xorb. Ipaċpaċ kliem bla sens, dejjem fuq xi ħadd u fuq kollox irid jara ma’ min se jaqbad. Meta jwissuh biex iġib ruħu sew u jnaqqas mid-dagħa (tal-inqas f’ Jum il-Milied), jispiċċa jisfratta l-ikla u kulħadd jitlaq ’l hemm b’qalbu sewda. L-akbar disfatta tkun għal ommu u għalih, li kif għedt aktar qabel, kien ikunu ilhom żmien jippreparaw għal din l-għaqda familjari, mill-ftit li jistgħu.  Issa verament qata’ qalbu. U jaf li aktar ma jgħaddi żmien, aktar l-affarijiet se jiggravaw, minħabba li qed jara l-imġiba ta’ missieru dejjem tikber.

    Però kien hawn min għamilha. Kien hawn min ammetta din l-isfida, li mhux faċli titilqek. Iżda “where there is a will there is a way”. Bosta rnexxilhom, u kif għamilha ħaddieħor, tista tagħmilha INT. Bosta fittxew l-għajnuna ta’ bnedmin oħra biex jgħinuhom jegħlbu l-vizzju tax-xorb u mxew magħhom dan il-vjaġġ diffiċli pass, pass. Fl-istess waqt indunaw li din ma kinitx ħajja, kemm finanzjarjament u anki fil-kisba tad-dinjità, għax kif qalli dan ir-raġel ta’ 33 sena, kif missieru spiċċa waħdu u iżolat, imma fuq kollox kif spiċċa daħħal lil familtu fi problemi oħra, li mhux faċli jiġu solvuti.