Cecil u ż-Żimbabwe ….

    Il-qtil ta’ l-iljun Cecil fiz-Zimbabwe qajjem furur fid-dinja tal-Punent u hekk għandu jkun għax li tispara u toqtol annimal protett żgur mhix aċċettabbli. Jidher li d-dentist li kkommetta dan l-att qed ipatti qares għax in-nies li mhux lesti li jħallu kollox jgħaddi daru kontrih sew u jridu li jittieħdu passi.
    Huwa tal-biża dan l-atteġjament tal-bniedem li jħossu superjuri fuq il-ħlejjaq kollha meta jkollu azzarin jew arma oħra f’idu. Minn distanza ma nibżgħu minn xejn, mill-qrib jista jkollna reazzjoni differenti. Imma donnu ninsew li fl-iskema l-kbira tal-ħolqien u ta’ kif jiffunzjonaw l-affarijiet, kollox u kulħadd għandu postu. Imma sabiex nifhmu sew din l-ordni irridu l-ewwel napprezzaw li kulħadd għandu postu u li hawn spazju għal kulħadd u għal kollox. U li ħadd ma hu superjuri.
    Iżda minn barra dan il-punt bażiku, li għalkemm bażiku ħafna, għad hawn min ma jifhmux, xtaqt inqajjem ftit punti oħra li forsi għandhom jagħmlu aktar ħoss u jimlew aktar paġni ta’ gazzetti u jidhru fuq il-midja soċjali.
    L-istatistika illum turi lin-nies taż-Żimbabwe jgħixu bejn wieħed u ieħor 57 sena, bl-irġiel jgħixu ftit xhur anqas minn nisa. Il-marda ta’ l-AIDS ħalliet ħafna problemi f’dan il-pajjiż fosthom ħafna tfal iltiema li tilfu l-ġenituri tagħhom. In-numru ta’ tfal li kienu nfettati fit-twelid huwa wieħed għoli u jkompli jikkontribwixxi għan-numru ta’ mwiet tat-trabi. Huwa stmat li kważi 15 fil-mija tal-popolazzjoni hija nfettati bil-virus li jikkaġuna l-AIDS. Il-popolazzjoni hija ta’ l-fuq minn 14,200,000 ruħ.
    Fil-pajjiż hemm tabib għal kull 12,500 ruħ. Jekk inqisu d-distanzi li wieħed irid jivvjaġġa u l-mezzi ta’ ivjaġġar naraw kemm hemm tbatija biex issib l-għajnuna medika. Huwa stmat li hemm 1.7 sodda fl-isptarijiet għal kull elf ruħ.
    Huwa stmat ukoll li 97.3 fil-mija tal-popolazzjoni li tgħix fl-ibliet illum għandha aċċess għall-ilma nadif, waqt li minn dawk li jgħixu barra mill-ibliet, 68.7% biss għandhom aċċess għal dan. Bħala total, ftit inqas minn tmenin fil-mija tal-popolazzjoni għandhom aċċess għall-ilma nadif meta wieħed iqis kif inhi mqassma l-popolazzjoni bejn l-ibliet u barra minnhom. L-għoxrin fil-mija l-oħra, lanqas dan m’għandhom.
    Il-faċilitajiet sanitarji li jagħmlu differenza kbira fis-saħħa pubblika ġew imtejba fl-ibliet sabiex 51.6 fil-mija tal-popolazzjoni għandhom dan is-servizz, flimkien ma’ 32.4 fil-mija ta’ dawk li jgħixu ‘l barra mill-ibliet. Dan iwassal għal total ta’ ftit inqas minn 40 fil-mija li għandhom servizzi sanitarji waqt li ftit aktar minn 60 fil-mija lanqas dan għad m’għandhom.
    Cecil u l-annimali eżotiċi l-oħra iħajjru lil nies li, waqt li għandhom il-flus x’jonfqu, iħobbu jitpaxxew b’annimali li forsi f’pajjiżhom dawn ma jarawhomx. Dan iservi sabiex jgħin ekonomikament lil dan il-pajjiż u oħrajn bl-istess kundizzjonijiet. Cecil kien parti mit-‘turiżmu’ li jħajjar u jiġbed lil min iżur iż-Żimbabwe. Meta nqatel dan l-iljun, naqas element qawwi li kien iservi ta’ attrazzjoni. Dan jiġri dejjem u kull meta l-attrazzjoni prinċipali b’xi mod jew b’ieħor tiġi attakkata u ‘maqtula’. Li ġara fiż-Żimbabwe mhix differenti minn dak li jiġri / ġara f’pajjiżi oħra tad-dinja inkluż pajjiżna.

    Sina Bugeja