Bżonn politika konġunta tal-gżejjer Ewropej

    Josianne Cutajar

    Fil-ġimgħa għar-reġjuni u l-ibliet fl-Ewropa nsejjaħ lill-gżejjer fl-Unjoni Ewropea biex jingħaqdu u jfasslu flimkien is-soluzzjonijiet għall-isfidi komuni bejniethom.

     F’konferenza dwar l-isfidi li jaffaċjaw il-gżejjer żgħar fil-Meditteran, fosthom Għawdex, sostnejt li sfortunatament il-vuċi ta’ dawn il-gżejjer għadha mhix b’saħħitha kif mixtieq.

    Bħala Membru Parlamentari Ewropew li ġejja mill-gżira Għawdxija, nifhem sew din is-sitwazzjoni, hekk kif Għawdex jesperjenza insularità doppja – ħaġa li dejjem illimitat l-aċċesibilità u l-konnettività għar-residenti Għawdxin.

    Fil-konferenza li fiha pparteċipaw diversi rappreżentanti oħra ta’ gżejjer Mediterranji, fosthom il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, sħaqt li l-pandemija wriet biċ-ċar ukoll il-problema tal-insularità, partikolarment fejn jidħol l-aċċess għall-kura u l-mediċina u anke b’rabta mas-settur turistiku.

    Irrimarkajt fuq tliet aspetti li jeħtieġ li jingħataw attenzjoni għall-irkupru mill-pandemija.

    Is-settur tan-negozji żgħar u medji kien wieħed mill-aktar oqsma li ntlaqat b’mod negattiv mill-pandemija, partikolarment dawk in-negozji tal-ospitalità u dawk li kienu jiddependu mit-turiżmu. In-negozji żgħar u medji jiffurmaw  l-ekonomija tagħna u għalhekk l-importanza li ngħinuhom u nkunu ta’ spalla għalihom f’dawn iż-żminijiet ta’ rkupru.

    Gżejjer fil-Mediterran għandhom x’jibbenefikaw minn titjib ambjentali tant li poġġiet għad-diskussjoni l-potenzjal tal-gżejjer bħala “laboratorju għas-sostenibbilita”. Innutajt ukoll bi pjaċir il-ħidma tal-Parlament Ewropew li qed joffri soluzzjonijiet biex isaħħaħ is-sostenibbilità f’dawn il-gżejjer.

    Nenfasizza l-ħtieġa ta’ turiżmu sostennibli, ħaġa li flimkien mal-bqija tat-Task Force għat-turiżmu fil-Parlament Ewropew, qed nitlob li jkun prijorità fil-baġit Ewropew għas-snin li ġejjin.

    Il-konnettività hija fundamentali għal-livell tal-għajxien tal-abitanti ta’ gżira.

    Insejjaħ għal infrastruttura fiżika moderna u affidabbli li tassigura aċċessibbiltà lir-residenti u soluzzjonijiet loġistiċi aħjar għan-negozji fi gżejjer.

    Ma’ infrastruttura moderna u affidabbli l-gżejjer jistgħu jagħmlu l-qabża fil-konnettività b’investiment diġitali li jieħu post l-ostakli, u jattira l-attività ekonomika.

    Nemmen bis-sħiħ li b’qabża fil-kapaċità diġitali, gżejjer bħal tagħna jkattru l-opportunitajiet mingħajr ma jibqgħu jiddependu żżejjed mit-turiżmu tal-massa.