Bżonn bilanċ bejn konkos u ħaxix

    Jien bniedem li nħobb ħafna n-natura u għalhekk jiddispjaċini ħafna meta nara din tinqered biex intellgħu xi mostru tal-konkrete. 
    Daqstant ieħor jien bniedem li nħobb l-istorja u hawn ukoll inħoss dieqa ta’ qalb meta nara djar antiki u bi storja magħhom jinqerdu biex xi żviluppatur itella’ xi blokk flats. Kultant l-iżvilupp żejjed qed jeqred ukoll il-karatteristiċi tal-irħula tagħna. 
    Każ tipiku huwa r-raħal żgħir ta’ Ħal Balzan fejn jiena Kunsillier. F’dawn l-aħħar snin rajna numru kbir ta’ djar sbieħ bil-ġonna jisparixxu biex minflokhom illum hemm ħafna blokok ta’ flats, maisonettes, penthouses u garaxxijiet. Fil-fatt, kull ġimgħa bħala Kunsill Lokali jkollna lmenti mir-residenti li jgħidulna li r-raħal qed jitlef il-karatteristiċi tiegħu minħabba l-iżvilupp bla rażan.
    Nemmen li rridu nsibu bilanċ bejn l-interessi tal-industrija tal-kostruzzjoni tal-bini li tħaddem ħafna  nies u li hija ta' ġid kbir għall-ekonomija tagħna u, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tal-ambjent. Inutli noħolqu ħafna ġid billi nħallsu l-prezz għoli tal-qerda tal-ambjent naturali u dak storiku/kulturali  ta’ madwarna. Irridu nistaqsu lilna nfusna x’pajjiż sejrin inħallu warajna lil ulied uliedna.
    Malta pajjiż fejn għandna densita` kbira ta’ popolazzjoni li dejjem qed tiżdied, fejn in-numru ta’ karozzi fuq din il-blata żgħira huwa wieħed allarmanti. Huwa għalhekk li rridu noqogħdu attenti ferm li ma npoġġux l-interessi tal-iżviluppaturi qabel dawk taċ-ċittadini komuni. Kulħadd  huwa favur l-iżvilupp imma dan irid ikun wieħed ikkontrollat u li jħares id-drittijiet taċ-ċittadini kollha.
    Bħalissa għandna ħafna kontroversji pubbliċi li jirrigwardjaw l-ambjent ta’ pajjiżna. L-istazzjonijiet tal-petrol għandhom għal raġunijiet ta’ sigurta` tar-residenti taż-żoni urbani jitpoġġew fil-kampanja u hekk nitilfu aktar raba’? 
    Il-bini għoli ħafna kemm huwa vijabbli għal pajjiżna? Il-qasam industrijali għandu jespandi fuq art agrikola jew għandu jinstab xi sit ieħor li ma jeqridx il-ftit ħdura li għadu jgawdi l-ambjent Malti? X’jiġi l-ewwel, il-bini storiku jew l-eżiġenzi tal-iżvilupp?
    Persważ li teżisti rieda tajba biżżejjed biex l-istakeholders, jiġifieri l-Gvern, il-Malta Developers Association, l-għaqdiet favur il-ħarsien tal-ambjent, u ċ-ċittadini komuni, ikunu jistgħu jaħdmu lkoll  flimkien biex l-iżvilupp ikompli u fl-istess ħin kulħadd jibqa’ jgawdi l-ambjent sabiħ ta’ pajjiżna. Hekk, il-ġenerazzjonijiet li jiġu warajna għad jgħidu: “kemm kienu bil-għaqal dawk ta’ qabilna” minflok jgħidu: “kemm kienu nies irresponsabbli!”.
     
    Desmond  Zammit  Marmara`  huwa  Kunsillier  tal-Partit  Laburista  f’Ħal  Balzan  u  edukatur  irtirat.