B’Saħħitna Flimkien

    Din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nżur Brussell. Belt li għadha qed tirkupra mill-ġrajjiet ta’ niket u l-attakki terroristiċi li kien hemm fl-ajruport u fi stazzjon tal-metro fil-qalba tal-belt.
    F’żona temporanja li nbniet apposta biex takkomoda il-ħtiġijiet ta’ dawk li jridu jtiru minn u lejn din il-belt, laqatni poster li kien hemm fejn ħafna nies esprimew l-appoġġ u s-solidarjetà mal-Belġjani f’dan il-perjodu. Li laqatni kienet espressjoni bil-Malti ‘B’saħħitna flimkien’. Espressjoni mmirata biex titkellem dwar solidarjetà ma’ xulxin f’mument diffiċli. Din l-espressjoni ħadet ukoll ħajja oħra f’moħħi. Ħajja mnebbħa minn tħassib li kemm il-darba esprimejt li bħalissa f’Malta hawn klima politika li għandha wisq elementi negattivi u ta’ tensjoni u li mhu qed togħġobni xejn.
    Waqt li d-diskussjoni, il-konfrontazzjoni ta’ l-ideat, u l-kritika huma parti essenzjali mid-demokrazija, nemmen li l-livell ta’ diskussjoni, it-tonalità li qed tintuża, il-provokazzjoni u l-intimidazzjoni li qed nassistu għaliha m’humiex ġusti.
    Fil-verità irrejaliżżajt, li dan it-tħassib tiegħi, mhux tiegħi biss. ANZI, kien ta’ wens li ħafna minn dawk li kelli l-opportunità li nitkellem magħhom dan l-aħħar, esprimew miegħi dan l-istess tħassib.
    Jidher li dan l-istess sentiment qed iħasseb ukoll lill-President ta’ Malta, li mhux l-ewwel darba kemm ilha tokkupa din il-kariga kellha bżonn tirrimarka fuq dak li qed idejjaqha (milli fuq dak li qed jogħġobha).
    F’opinjoni li kitbet fil-ġurnal The Times tal-lum, il-President ħasset li għandha tlissen it-tħassib tagħha, li jirrifletti dak ta’ ħafna oħrajn li l-affarijiet mhumiex sew. Ħasset li għandha twissi dwar it-tnaqqis ta’ l-effett u t-tnawwir tad-demokrazija f’pajjiżna. L-appell tagħha kien indirizzat liż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi l-kbar. U l-kliem meqjus (li jirrifletti r-rwol Presidenzjali) kien dirett għal min irid jifhmu.
    Stħajjiltha bħal omm iċċanfar liż-żewġ uliedha ‘kbar’ biex jaraw kif bl-eżempju u l-aġir tagħhom, li ttihom l-awtorità tal-fatt li huma l-ulied il-kbar, iġibu ruħhom bħala tali għax qed tinkwieta li l-ulied l-oħra jinsabu f’periklu.
    Nittama li dan l-appell ma jaqax fuq widnejn torox, għax wisq nibża li b’dak li għaddej u qed jiġri, bil-lingwaġġ li qed jintuża, l-atti li qed isiru u l-mod kif qed jiżvilluppaw l-affarijiet, qed nistiednu inkwiet li jfakkarni fl-imgħoddi, li ma nixtieqx li uliedi jgħixu.
    F’dan l-artiklu rajt mill-ġdid il-messaġġ li rajt ilbieraħ fl-ajruport ta’ Brussell. B’Saħħitna flimkien.
    Filwaqt li nkunu minn ta l-ewwel biex nuru solidarjetà ma’ belt imbiegħda, kif jgħid l-Ingliż ‘Charity begins at home’ u tajjeb li nibdew nirranġaw darna.