Bonbons (Ħelu)

    Kont fi triqti lejn is-suq tal-ikel. Għandi d-drawwa li meta nkun ġo pajjiż ’il bogħod minn xtutna nżur xi suq. Ma ngħoddx is-swieq li żort f’pajjiżi tal-Ewropa, l-Afrika, l-Asja, l-Amerika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani. Sintendi, ilkoll għandhom il-partikolarijiet tagħhom.

    F’postijiet bħal dawn tesperjenza d-drawwiet, ix-xerrejja u l-folla, id-diversità t’oġġetti, l-ikel u x-xorb, is-snajja’ u s-servizzi, u fuq kollox, il-komportament tal-bejjiegħa u l-mod kif jesponu l-prodott. L-għajta hi nofs il-bejgħ. Wieħed mill-isbaħ u l-akbar suq li żort kien dak ta’ Damasku s-Sirja. M’hemmx dubju li llum dan is-suq għosfor kaġun tal-gwerra ċivili mdemmija. Meta jaqa’ l-kliem fuq dan is-suġġett dejjem insemmih, bħalma nsemmi dak ta’ Abuja fin-Niġerja. In-nuqqas ta’ sanità li kellu, tkexkex. Fih issib minn kollox, ħallata ballata. Min ibigħ ħin ta’ kumpanija ma’ nisa, min ħalib maħlub mill-mogħoż dak il-ħin stess u min joqtol it-tjur u jnaddafhom. Il-lista ma tiqafx.

    Din il-ħajra li nżur is-swieq rawwimtha fi tfuliti.  Kull nhar t’Erbgħa ma kienx ikolli skola. Kienet ġurnata dedikata għall-istudju. Kont immur l-iskola San Alwiġi u minflok, konna nidħlu l-iskola s-Sibt. Għalhekk, iz-ziju, li kien ġuvni xwejjaħ, kien jeħodni s-suq tal-Belt. Għalih kienet isservi ta’ ħarġa u kumpanija. Illum, is-suq tal-Belt hu tifkira tal-imgħoddi. Imma qisu lbieraħ, għadni niftakar kull kantuniera tiegħu: l-irwejjaħ tal-ħwawar, id-dehra tal-ħaxix u l-frott frisk, il-laħmijiet u t-tjur, il-ħut tal-wiċċ u tal-qiegħ, kull xorta ta’ ġobnijiet, salmura, inbejjed u ikel, u l-ħobża tar-ratal u tal-kexxun. Iżda fuq kollox, għadni niftakar l-uċuħ tal-bejjiegħa, l-għajta tagħhom u t-tiġbid fil-prezzijiet max-xerrejja. 

    Insomma, ninsab f’Perros-Guirec fi Franza; raħal max-xatt tal-baħar tal-Atlantiku miżgħud b’dgħajjes tal-qlugħ, blat granit kulur roża mimli mħar, bebbux u arzell, imżejjen u għani bi ġmiel naturali u bi ħdura liema bħalha, b’għaxqa ta’ djar b’ġonna miżgħuda bl-ortensji u l-felċi li jikbru daqs il-ħaxixa Ingliża f’Malta, toroq xummiema, klima sajfija friska tant li qatt ma tegħreq, fejn mix-xjuħ saż-żgħar jilbsu l-qliezet qosra, u fejn l-ordni pubblika titmexxa mis-sens ċiviku taċ-ċittadini u mhux mill-Pulizija. Hu post trankwill li jsaħħek u jibnik mill-ġdid. Inħosskom tgħiduli li din li ddeskrivejt hi lokalità li mhix biss fost is-sbieħ iżda donnha miexja fuq ir-rubini. Iva, hekk hu. 

    Hekk kif wasalt is-suq, li jarma f’inħawi residenzjali wara l-parroċċa mwaqqfa f’ġieħ San Ġakbu, minn wara xatba tal-injam ta’ parapett ħarġet xwejħa miexja qajla qajla lejja.  Kienet liebsa libsa ffjurita li kienet kważi twassal sal-għekiesi li kienu minfuħa. Wiċċha, għalkemm pallidu, kien mixgħul bil-ferħ. Kien imbissem u b’leħen irqiq għajtet, “Bonbons… Bonbons”.

    Għal ftit sekondi ma ntbaħtx x’kien qed jiġri, sakemm resqet lejha tfajla żagħżugħa u hi wkoll bdiet tgħajjat b’leħen baxx waqt li tħares lejha “Bonbons…Bonbons”.  

    Dawwart rasi u ntbaħt li warajha kien hemm ġeru l-ġmiel tiegħu u li kienet ġabitu din it-tfajla. Kien bilqiegħda fuq saqajh ta’ wara f’nofs it-triq. Għamilha qisha tiegħu, donnu kien qed jaħseb eżatt x’għandu jagħmel. 

    Mas-sejħa tagħhom it-tnejn f’daqqa, Bonbons ġera lejhom u mal-kelma taż-żagħżugħa “Ici,” poġġa. Ix-xwejħa taret bil-ferħ u dlonk tbaxxiet biex tiġbru f’ħoġorha. 

    Is-suq dortu waħda sew, daqqa nifrex ħarsti ’l hawn u daqqa ’l hemm. L-organizzazzjoni tat-tilari tal-bejjiegħa wieħed fejn l-ieħor u l-esebizzjoni tal-prodott kienu jxennquk u jġiegħluk tixtri. Ma stajtx ma ninnutax, aktar mis-soltu, numru sabiħ ta’ klieb li kienu mexjin maqfula b’ċinga biswit sidhom. Ma tismax tinbiħa waħda. Ilkoll dehru miżmuma tajjeb. Ftakart f’Ozzi u Babe; il-klieb tiegħi li ħallejt warajja biex niġi din il-vaganza. Imma ma stajtx ninsa wiċċ ix-xwejħa hekk kif lemħet lil Bonbons.

    Post ix-xjuħ hu fil-komunità, f’darhom u fil-madwar li tant jgħożżu. Bon, bon ( tajjeb)… u tajjeb ingħid!