Bernard Grech: Żball li se jikkontesta

    Lil Dr Bernard Grech sirt nafu meta ftit taż-żmien ilu kont ħadt sehem fi programm dwar il-politika li kien ixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni. Ftit wara, kont ukoll ħadt sehem miegħu f’dibattitu politiku fuq Net Television. Laqatni bħala bniedem moderat, edukat u tolleranti lejn min għandu opinjoni politika differenti minn tiegħu. Mhux kiesaħ bħal uħud li jipprovaw jirredikolawk biex isaħħu l-argument politiku tagħhom.

    Kien għalhekk li skantajt kif bniedem bħal dak għażel li jidħol b’ruħu u ġismu fil-kwistjoni li għaddejja bħalissa bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia, u r-ribelli fl-istess partit. Skantajt aktar kif saħansitra tefa’ n-nomina biex ikun jista’ jikkontesta għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

    Aqra: Bernard Grech jissottometti l-interess biex jikkontesta għal Kap tal-PN

    Qed ngħid hekk għax bl-aġir tiegħu, Dr Bernard Grech issa ħa l-parti tar-ribelli fil-kwistjoni. Meta qiegħed nuża l-kelma “ribelli” mhux qed nirreferi biss għad-Deputati Parlamentari kontra Dr Adrian Delia imma qed nirreferi għall-moviment kollu li ilu żmien jipprova jimmina lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Għalhekk, kif bniedem bħal Dr Bernard Grech jista’ jasal biex jitħallat ma’ dik il-kwalità ta’ nies ma nifhimhix. Dawn nies żleali lejn il-Kap tagħhom stess, demokratikament elett mit-tesserati tal-PN. Dawn nies li uħud minnhom imminaw lil Dr Adrian Delia u wara għajjruh li falla. Dawn nies li jifformaw parti minn moviment li jidher ċar li l-għan primarju tiegħu huwa li jkissru lil Dr Delia, anke akkost li jkissru l-Partit Nazzjonalista stess, kif fil-fatt qed jagħmlu. Wieħed mill-perċimes fil-kampanja kontra l-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista dan l-aħħar saħansitra uża l-blogg tiegħu biex jattakka, wieħed wieħed, uħud min-nies prominenti fil-Partit Nazzjonalista li baqgħu leali lejn Dr Adrian Delia. Għal dan il-livell waqgħu dawn in-nies.

    U kif nista’ ma nsemmix il-każ tal-mistħija ta’ Dr Therese Comodini Cachia? – Din l-ewwel ġiet użata mir-ribelli biex jippreżentawha bħala alternattiva għal Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, imbagħad, għax hekk kien jaqblilhom biex żgur jeħilsu minnu, remewha. Dawn in-nies li Dr Bernard Grech irid imexxi lejn bidu ġdid għall-Partit Nazzjonalista?

    Aqra: Jaqblu fuq Bernard Grech biex jikkontesta lil Delia

    L-opinjonisti li jxaqilbu lejn il-Partit Laburista qed jiġu mpinġija bħala nies li jixtiequ li Dr Adrian Delia jibqa’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista għax bih fit-tmun tal-PN żgur li l-Labour jagħmel rebħa elettorali kbira fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. U jien nistaqsi: “hawn xi ħadd f’sensih li jemmen li għax il-Partit Nazzjonalista jibdel lill-Kap tiegħu, se jkollu xi ċans fl-elezzjoni ġenerali li jmiss?” – Il-PN se jitlef żgur, irrelevanti minn min ikun qed imexxih u r-raġuni hija li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin tilfu kull fiduċja fil-Partit Nazzjonalista wara l-kummiedji li saru f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, il-PN għandu problemi oħra kbar li jridu żmien twil biex jiġu solvuti.

    Għalhekk, nemmen li kien żball kbir li Dr Bernard Grech iddeċieda li jikkontesta għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.