Bernard Grech inaqqas id-distakk? – Iddaħħkux!

    Sinċerament nidħak meta naqra ċerti kummenti fil-media lokali dwar li jekk Dr Bernard Grech jilħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista, jaf ikun kapaċi jnaqqas id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fil-voti li jiksbu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Min jirraġuna hekk verament ma jaf xejn dwar kif jaħsbuha l-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin.

    L-ewwelnett, Dr Bernard Grech diġà beda ħażin ferm għax inkixef il-fatt li dan ukoll, bħal Dr Adrian Delia, kellu problemi mal-awtoritajiet rigward ħlas ta’ taxxa dovuta. Allura, iċ-ċittadin eżemplari mill-ewwel jgħid: “tajjeb, mela jien inħallas mill-ewwel sal-inqas ċenteżmu ta’ taxxa dovuta u min imexxi u suppost jagħti eżempju tajjeb, jispiċċa jagħti eżempju ħażin!”

    Emmnuni, bħala bniedem li studjajt sew l-istorja ta’ Malta, ma nafx x’kienu jgħidu kapijiet Nazzjonalisti tal-passat bħal Dr Enrico Mizzi u Dr Ġorġ Borg Olivier kieku kienu għadhom ħajjin illum. Għax il-Partit Nazzjonalista fil-passat kellu kapijiet li dejjem esiġew l-ogħla standards ta’ integrità u ta’ aġir korrett, etiku u professjonali. Sempliċi ħafna: min imexxi jrid ikun hu l-ewwel li jagħti eżempju tajjeb. Il-kapijiet tal-partiti politiċi jridu jservu ta’ “role models” għaż-żgħażagħ tagħna u biex jagħmlu dan ma jistax ikollhom l-inqas dell imdendel fuq rashom.

    Daqstant importanti fil-kejl taċ-ċittadini huwa l-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma qiegħed joffri l-ebda alternattiva għall-Partit Laburista fil-gvern. Jagħmel sew li jikkumbatti l-korruzzjoni. Jagħmel sew li jesiġi l-governanza tajba u s-saltna tad-dritt.

    Imma aktar minn hekk x’qiegħed jagħmel? – Kieku kellha tinqala’ emerġenza nazzjonali fejn il-PN ikun imsejjaħ biex imexxi, dan ikun ippreparat għal dan il-piż? – Ma tridx tkun xi professur biex tintebaħ li dan mhuwiex il-każ. Għandek partit politiku li għadu maqsum u li qed jaħli r-riżorsi kollha tiegħu fuq l-istess kwistjonijiet li wassluh għal telfa elettorali tant kbira fl-2017.

    Il-PN irid jiftakar li jekk ikun fil-gvern, irid joffri lill-poplu pjanijiet konkreti ta’ kif se jġib aktar progress u ġid. Mhux se tmexxi l-pajjiż tajjeb billi tintilef il-ħin kollu fil-kundanna tal-korruzzjoni jew billi ssemmi l-ħin kollu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ħa nkun ċar: tajjeb li jsir hekk imma trid ukoll tabbina dan ma’ programm dettaljat u komprensiv ta’ ħidma fl-oqsma l-oħra tal-amministrazzjoni. Irid ikollok “road map” ċar ta’ dak li qiegħed toffri lill-poplu jekk terġa’ tirbaħ il-fiduċja tal-maġġoranza. U f’dan qed ifalli bil-kbir il-PN.

    U kif tista’ tiġbed lejk lil min jivvota lill-Partit Laburista meta jibqa’ esponenti prominenti tal-PN fil-media li juru disprezz totali lejn il-Laburisti? – L-iktar ħaġa li saħħet lill-Partit Laburista hija n-nuqqas ta’ tattika u ta’ etika li qed juru ċerti esponenti Nazzjonalisti meta jindirizzaw lil-Laburisti. Tiltaqa’ ma’ Laburisti moderati ħafna li jgħidulek: “Veru li hemm ħafna x’tikkritika dwar l-aħħar snin tal-Gvern Laburista imma meta nara l-estremiżmu ta’ ċerti esponenti Nazzjonalisti u l-aġġettivi li jużaw biex jiddeskrivu lil nies prominenti Laburisti, ngħid li mitt darba aħjar il-Gvern Laburista bid-difetti kollha tiegħu milli li xi darba nerġgħu niġu taħt nies bħal dawk!”

    Biżżejjed insemmi li anke jien veru ħassejtni rrabbjat dan l-aħħar meta qrajt artikli f’ġurnal bl-Ingliż fejn żewġ membri prominenti tal-protesti li qed isiru kontra l-Gvern Laburista indirizzaw lil membri tal-Kabinett tal-Ministri b’kunjomhom biex hekk iwaqqawhom f’għajnejn il-pubbliku. Per eżempju, lill-Prim Ministru, Dr Robert Abela, ma tindirizzahx bħala “Abela” kif għamlet waħda minn dawk li titkellem regolarment quddiem il-pubbliku fil-protesti kontra l-Gvern Laburista. Lill-Ministru Julia Farrugia Portelli ma tindirizzahiex bħala “Farrugia Portelli” kif għamlet oħra li wkoll titkellem ta’ sikwit quddiem il-pubbliku fil-protesti. Taqbel jew ma taqbilx magħhom, trid turi rispett lejn il-kariga pubblika li jokkupaw. Id-disprezz eżempju ħażin jagħti u jkompli jbiegħed minnek lil min ma jaqbilx miegħek.

    Għalhekk, nikkonkludi billi ngħid li la Dr Bernard Grech u lanqas Dr Adrian Delia m’huma se jnaqqsu d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss għax il-poplu mhuwiex injurant u jaf li meta tixtarr sew dak li qed joffri l-Partit Nazzjonalista bħala alternattiva, ma ssib xejn konkret. U l-Partit Laburista fil-gvern, bid-difetti kollha tiegħu, jappella ħafna aktar lill-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin għaliex iwettaq dak li jwiegħed u dejjem għandu pjanijiet sodi kif ukoll innovattivi.