Barbariżmu modern: neqirdu s-sbuħija għall-flus

    Meta kont għadni student l-Università niftakar li kont studjajt fuq żmien il-Barbari fl-Ewropa, bejn wieħed u ieħor iż-żmien mis-sena 409 sas-sena 910 Wara Kristu. Żmien il-Barbari spiċċa fl-Ewropa tal-lum imma f’pajjiżna għandna tip ta’ barbariżmu modern:

    neqirdu s-sbuħija tal-ambjent tagħna biex numru żgħir ta’ nies isiru sinjuri.

    Ftit ilu kont qed nara xi ritratti ta’ kif kienet Malta xi mitt sena ilu. Kienet ġenna tal-art: irħula bid-djar imdawwrin bir-raba’, kampanja verġni. Illum anke l-kelma “rħula” saret kważi ma tapplikax għal ċerti lokalitajiet msejħin hekk. Dan għax kull fejn dari kien hemm ir-raba’, illum issib biss blokok ta’ appartamenti koroh tal-konkrit. X’sar minnhom id-djar u l-irziezet sbieħ bil-ġonna magħhom? – Spiċċaw taħt il-gaffa biex xi ħadd idaħħal l-eluf u l-miljuni ta’ ewro f’butu!

    Naqta’ qalbi li fil-futur immedjat din is-sitwazzjoni tirranġa ruħha.

    Dan għaliex jidher ċar li l-partiti l-kbar it-tnejn għandhom policies ta’ żvilupp ibbażati fuq li l-industrija tal-kostruzzjoni tingħata ċertu poter fuq dak li jsir f’pajjiżna. U l-kriżi tal-Coronavirus kompliet aċċennat dan il-fatt għaliex ir-rinaxximent ekonomiku meħtieġ wara din il-mewġa negattiva ekonomika se jkollu bħala wieħed mill-pilastri tiegħu propju l-industrija tal-kostruzzjoni.

    M’għandi xejn kontra l-industrija tal-kostruzzjoni għaliex kulħadd għandu dritt jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum imma issa qbiżna kull limitu għax spiċċajna bil-krejnijiet kullimkien, komunitajiet sħaħ li jgħixu s-snin bl-istorbju tal-magni u fit-trab u ambjent naturali li dejjem qiegħed jiċkien. Naturalment, ma nistax ma nsemmix ukoll il-problema kbira tal-estetika, fejn kerraħna ħafna partijiet tal-ibliet u l-irħula tagħna bi blokok ta’ flats xi drabi mibnijin b’mod li ma jaqblux mal-kumplament tal-ambjent ta’ madwarhom. Dan qed iwassal biex bosta lokalitajiet qed jitilfu l-karatteristiċi tradizzjonali tagħhom.

    Hemm ukoll l-aspett soċjali. Għandek suq tal-propjetà fejn il-propjetajiet qed jinbiegħu għal somom kbar li minħabba f’hekk ħafna koppji żgħażagħ qed jissalbu bid-dejn għal għomorhom. Ħafna drabi dan ikun ifisser li sew ir-raġel u anke l-mara jridu jmorru jaħdmu ta’ bilfors u kultant anke wieħed jew waħda minnhom, jekk mhux ukoll it-tnejn li huma, ikollhom  saħansitra jaħdmu part-time wara x-xogħol prinċipali tagħhom. Illum għandek tfal li prattikament jitrabbew min-nanniet u mhux mill-ġenituri għax dawn tal-aħħar dejjem okkupati.

    Barra minn hekk, il-kumditajiet tar-residenzi dejjem qegħdin jonqsu.

    Donnu sar xi lussu kbir illum li koppja jkollha d-dar tagħha. Le, tarax kbir, trid tmur toqgħod fi flat!

    – U kulħadd jaf kemm il-flats iġibu magħhom problemi soċjali: dak għax iħalli l-imbarazz fil-partijiet komuni, l-oħra għax tagħmel ħafna storbju fuq ta’ taħtha, eċċ. U dan kollu qed joħloq qasma soċjali għax min hu sinjur jista’ jaffordja xi villa sabiħa bil-ġonna madwarha imma min jaqla’ paga baxxa jrid jgħix f’xi flat fejn bilkemm ikollu spazju biex jgħix b’dinjità.

    Għandi tama kbira fil-ġenerazzjoni żgħażugħa li bis-saħħa tal-fatt li hi edukata ħafna u għalhekk konxja minn problemi ambjentali, toffri tama ġenwina li fil-ġejjieni mhux daqstant imbiegħed se jkollna ġenerazzjoni li tgħid: “issa daqshekk!” lill-politiċi u lill-iżviluppaturi u nsalvaw dak li għad jista’ jiġi salvat mill-ambjent ta’ madwarna.