Baġit li ħaseb għal kollox u għal kulħadd

    Il-Gvern Laburista għandu ħaġa tajba ħafna: dik li taf li l-pajjiż huwa f’idejn sodi.

    Minkejja l-pandemija tal-Coronavirus u d-daqqiet ta’ ħarta li qalgħet l-ekonomija ta’ Malta, minkejja t-tħarbit tal-ħajja normali ta’ kuljum li ġabet magħha din il-pandemija, xorta waħda l-poplu għandu blata fuq xiex iserraħ u din hi amministrazzjoni serja fi żmien imqalleb.

    Xhieda ta’ dan huwa l-Baġit 2021 li huwa baġit li mhux biss mimli miżuri biex iżomm l-ekonomija ta’ pajjiżna b’saħħitha imma wkoll oħrajn biex itaffu l-effett ekonomiku tal-pandemija fuq sezzjonijiet partikolari tas-soċjetà Maltija u, bħalma jiġri kull darba li jkun hemm gvern Laburista fil-poter, naraw ukoll miżuri favur l-aktar nies vulnerabbli fis-saffi soċjali bħal, ngħidu aħna, l-pensjonanti.

    Huwa wkoll baġit maħdum bil-għaqal, ibbażat fuq kawtela ekonomika fi żminijiet diffiċli, flimkien ma’ dixxiplina fiskali.

    Punt kruċjali huwa li minkejja ż-żminijiet diffiċli, l-ebda taxxi ġodda ma ġew introdotti f’dan il-baġit. Dan huwa punt ta’ prinċipju għall-Gvern Laburista u juri d-differenza bejnu u ħaddieħor li, fi żminijiet diffiċli għall-pajjiż, kellu politika li biha għabba lill-poplu b’piżijiet li ħafna ma kinux jifilħu għalihom.

    Huwa baġit li wkoll jinkludi numru ta’ miżuri ambjentali u t-tisħiħ tal-infrastruttura ta’ pajjiżna. Jaħseb ukoll mhux biss għalissa imma anke għall-ġejjieni. Hekk, per eżempju, naraw li l-programm ta’ bini ta’ skejjel ġodda u l-estensjoni u l-modernizzazzjoni ta’ oħrajn sejjer ikompli.

    Naturalment, il-Baġit 2021 jieħu ħsieb ukoll is-sitwazzjoni medika fil-pajjiż minħabba l-Coronavirus. Hemm diversi miżuri li jassiguraw li se jibqa’ jkollna l-aqwa servizzi mediċi u komprensivi kemm jista’ jkun u dan minkejja l-problemi kbar li ħolqot il-pandemija f’dan is-settur.

    Nikkonkludi billi ngħid li jekk qatt kien hemm bżonn ta’ prova ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni huwa maqtugħ mir-realtà, wieħed għandu biss jixtarr dak li qal Dr Bernard Grech, il-Kap attwali tal-PN, fir-reazzjoni tiegħu għall-Baġit 2021 meta stqarr li Malta għandha bżonn direzzjoni, kompetenza, serjetà u, fuq kollox, tama, u qal li l-Partit Nazzjonalista biss jista’ jipprovdi dan kollu. Jien ngħidlu: “Bis-serjetà qed titkellem, Dr Grech, jew trid tiċċajta għax spiċċajt m’għandekx xi tgħid?”

    Nimxu ‘l quddiem fil-progress, is-sigurtà, is-serħan tal-moħħ u s-sliem.