Appell fil-forum ħażin

    Nhar it-3 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti tal-Appell (Kompetenza Inferjuri), ippreseduta mill-Onor. Imħallef Anthony Ellul, qatgħet s-sentenza fil-kawża fl-ismijiet Philip Pace vs. L-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.

    F’Marzu tal-2011, l-appellant Philip Pace ippreżenta Talba fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar  fejn talab lit-Tribunal jikkundanna lill-Awtorità tħallsu tlett elef Ewro bħala grant wara li huwa kien xtara xi photovoltaic panels għad-dar tiegħu. L-Awtorità eċċepiet li fil-fatt, hija ma kinitx aċċettat l-applikazzjoni tiegħu għax din ma kinitx ġiet sottomessa fil-ħin bid-dokumenti kollha neċessarji. L-Awtorità eċċepiet ukoll li meta talbitu jiġġustifika s-sottomissjoni tardiva tad-dokumenti, irriżulta li r-raġunijiet mogħtija minn Pace ma kinux minnhom.
    F’Diċembru tal-2012, l-Awtorità eċċepiet ukoll li t-Tribunal ma kienx kompetenti biex jieħu konjizzjoni tat-Talba għaliex skont l-Artikolu 469A tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u l-Proċedura Ċivili, Pace kellu jattakka d-deċiżjoni amministrattiva tal-Awtorità permezz tal-proċedura kontemplata hemm. L-Awtorità ddikjarat ukoll li Pace kellu jressaq l-ilment tiegħu quddiem il-Bord tal-Appelli dwar ir-Riżorsi, liema Bord kellu ġurisdizzjoni esklussiva li jisma’ appelli minn deċiżjonijiet tal-Awtorità.
    It-Tribunal ċaħad it-talba ta’ Philip Pace wara li laqa’ l-eċċezzjoni tal-Awtorità.
    Philip Pace appella u qal li l-aggravji tiegħu kienu s-segwenti:

    1. Li t-Tribunal żbalja meta qal li Pace kellu bilfors jipproċedi quddiem il-Bord tal-Appell dwar ir-Riżorsi minħabba li l-liġi tagħti lit-Tribunal il-kompetenza li jiddeċiedi t-talbiet kollha li ma jeċċedux €3,494.06; u
    2. Li t-Tribunal ma qiesx il-fatt li Philip Pace ġie mċaħħad mill-opportunità li jressaq appell quddiem il-Bord tal-Appell dwar ir-Riżorsi.

    L-Awtorità appellata wieġbet li l-Bord tal-Appell dwar ir-Riżorsi kellu kompetenza esklussiva fir-rigward tal-kwistjoni mqanqla mill-appellant u li ma kienx minnu li Philip Pace kien ġie mċaħħad mill-opportunità li jappella.
    Il-fatti tal-każ, fil-qosor, huma dawn:

    • Fis-sena 2009, Philip Pace xtara photovoltaic panels għad-dar tiegħu. Dawn ġew installati f’Settembru 2009.
    • Philip Pace applika mal-Awtorità dwar ir-Riżorsi biex jingħata grant skont skema li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Permezz ta’ ittra datata 6 ta’ Mejju 2009, Pace ġie infurmat li l-Awtorità eżaminat l-applikazzjoni u ddeċidiet li kien eliġibbli għal grant ta’ tlett elef Ewro sakemm il-“Part III” tal-applikazzjoni tiġi sottomessa sa mhux aktar tard minn erba’ xhur minn ċertu data stipulata fl-ittra.
    • Skont ir-records tal-Awtorità, il-Part III tal-applikazzjoni ġiet riċevuta minnhom f’Marzu 2010. Philip Pace insista li hu kien personalment daħħal l-applikazzjoni f’Settembru 2009. Dan kien kontestat mill-Awtorità.
    • F’Marzu 2010, Philip Pace daħħal applikazzjoni ġdida.
    • Permezz ta’ ittra datata 29 ta’ Marzu 2010, Philip Pace ġie nfurmat li l-applikazzjoni tiegħu ma ġietx milqugħa għax hu kellu jissottometti l-Part III tal-applikazzjoni sa erba’ xhur mid-data indikata fuq l-ittra oriġinali li kien irċieva, liema perjodu kien laħaq skada sewwa.

    Mill-atti irriżulta li t-tilwima in kwistjoni taqa’ fil-kompetenza tal-Bord tal-Appell dwar ir-Riżorsi u mhux fil-kompetenza tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Dan irriżulta proprju għaliex l-ilment ta’ Philip Pace kien li huwa daħħal il-Part III tal-applikazzjoni tiegħu fil-ħin filwaqt li l-Awtorità rribattiet li din il-parti tal-applikazzjoni kienet daħlet wara li skada t-terminu ta’ erba’ xhur. Għalhekk, il-Qorti ma kellha ebda dubju li t-tilwima kienet taqa’ taħt il-Kapitolu 423 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi).
    Il-Qorti qalet ukoll li meta l-liġi tuża l-kelma “jista’”, tkun qegħda tirreferi għall-fatt li persuna tista’, jekk trid, tikkontesta deċiżjoni meħuda. Ma jfissirx imma li tali deċiżjoni “tista’” tiġi kkontestata f’forum tal-għażla tal-appellant! Għall-kuntrarju, għalkemm jekk persuna tħoss ruħha aggravata minn deċiżjoni tista’ tappella, dan l-appell jista’ jsir biss quddiem il-forum kompetenti li jisimgħu. Għalhekk, sabiex it-Tribunal għal Talbiet Żgħar jeżamina l-mertu ta’ jekk il-Part III tal-applikazzjoni ta’ Philip Pace kinitx ġiet sottomessa fiż-żmien stipulat, dan it-Tribunal kien ikollu jikser l-Artikolu 34 tal-Kapitolu 423, liema artikolu jipprovdi li l-Bord tal-Appell dwar ir-Riżorsi jkun kompetenti li jisma’ u jiddeċiedi appelli mressqin taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 423 stess u li d-deċiżjoni tal-Bord tkun finali.
    Il-Qorti nnutat li anki kieku ma sarx l-argument li t-Tribunal għal Talbiet Żgħar ma kienx kompetenti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-essenza tal-ilment ta’ Philip Pace jikkonsisti f’ilment dwar għemil amministrattiv, jiġifieri r-rifjut tal-Awtorità li tilqa’ l-applikazzjoni tiegħu.
    Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet l-appell u kkundannat lill-appellant iħallas l-ispejjeż tal-appell.

    Nota: Min jixtieq iktar informazzjoni huwa mitlub jaqra s-sentenza sħiħa li tinsab online fuq il-website www.justiceservices.gov.mt. Id-dettalji kollha meħtieġa sabiex wieħed isib din is-sentenza huma mogħtijin fl-introduzzjoni.