Anqas sustanzi li jikkawżaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol

    F’Malta għandna 2000 każ ġdid ta’ kanċer kull sena u 900 imwiet. Wara kull każ hemm pazjent u familja li għaddejjin minn esperjenza diffiċli. Kien għalhekk li jien poġġejt il-ġlieda kontra l-kanċer fuq quddiem tal-ħidma politika tiegħi fil-Parlament Ewropew.

    Irridu niġġieldu l-kanċer b’kull mod possibli, inkluż fuq il-post tax-xogħol. Irridu nassiguraw li l-post tax-xogħol, il-post fejn iqattghu bosta ħin il-Maltin ikun wieħed sigur u nieqes minn sustanzi li jikkawżaw il-kanċer.

    L-Unjoni Ewropea għandha direttiva li tirregola l-livell permissibbli ta’ ċertu sustanzi li jinstabu fuq postijiet tax-xogħol u jikkawżaw il-kanċer.  Fl-aħħar 3 snin l-Unjoni Ewropa diġà rrivediet il-livelli permessibli ta’ 21 sustanza li jikkawżaw il-kanċer. Wara ħidma u konsultazzjoni wiesgħa, fl-aħħar jiem ħadna vot importanti sabiex nirrevedu l-livell permissibbli ta’ 5 sustanzi oħra li jikkawżaw il-kanċer. Dawn huma sustanzi li jinstabu f’bosta postijiet tax-xogħol speċjalment fuq siti ta’ kostruzzjoni, laboratorji, kumpaniji tal-elettronika, u f’siti fejn jiġi immaniġġjat l-iskart. Dan hu eżempju ieħor ta’ kif l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tagħna. Jien kburi li tajt kontribut f’dan il-proċess u nappella lill-Gvern Malti sabiex jassigura li din id-direttiva tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien u biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex nassistu l-kumpaniji u nipprovdu l-informazzjoni neċessarja. Ta’ min jġħid ukoll li fl-aħħar ġimgħat fil-Parlament Ewropew tlabna wkoll żieda fil-baġit għar-riċerka. Dan ifisser aktar flus biex ir-riċerkaturi jfittxu kura għall-kanċer, prijorità importanti li insistejna fuqha biex negħlbu din il-marda.

    Irrid nirringrazzja lil bosta kumpaniji  u professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jgħinu lill-ħaddiema li jimirdu bil-kanċer u lill-familji tagħhom. Irrid nuri l-apprezzament tiegħi wkoll lill-għaqdiet tal-kanċer li qiegħed naħdem magħhom spalla ma’ spalla.