Annimali bla make-up

    Illum mhux se naqbadha fuq l-ikel. Minflok, se naqbadha fuq is-sapun, il-fwejjaħ, il-makeup, u ħafna prodotti simili tas-sbuħija. Għala? Għax anki hawn jeżistu regoli maħsuba biex il-konsumatur ikun jaf x’inhu juża fuqu nnifsu! Tafu li din l-industrija fl-Eworpa ddawwar mas-€70 biljun fis-sena?! Kważi nofs is-suq dinji kollu kemm hu.

    Imma hemm aspett ieħor, xejn sabiħ ta’ din l-industrija, jew għall-anqas parti minnha. Dan huwa l-ittestjar tal-prodotti fuq l-annimali, li issa ilu pprojbit fl-UE mill-2009. Qabel, eluf ta’ annimali – minn ġrieden sa fniek – kienu jintużaw b’dan il-mod. U għalhekk, fl-UE ma jistgħux jinbiegħu prodotti li fihom ingredjenti ttestjati fuq l-annimali.

    Apparti l-ġid tal-annimal innifsu, fl-interess tagħna li naraw li l-prodotti li nużaw ma jkunux perikolużi. Wara kollox, huwa stmat li kull persuna tuża madwar 7 prodotti kosmetiċi kuljum! Toqgħod taħseb…bejn ragħwa tal-leħja, sapun tal-idejn, after shave, fwieħa, deodorant, gel (mhux għalija!)…hemm qegħdin. U trid tkun taf jekk prodott jistax iqabbdek allerġija jew jikkawżalek xi tip ta’ dannu.

    Ta’ min jgħid li mhux dejjem jeżistu metodi biex jieħdu post testijiet fuq l-annimali. F’dan is-sens qed isiru sforzi biex permezz tar-riċerka jinstabu soluzzjonijiet li kemm jista’ jkun jiġu evitati.

    Insomma, ridt inserrħilkom moħħkom li tistgħu tibqgħu tfuħu mingħajr periklu, u fuq kollox mingħajr ma tkun saret ħsara lill-annimali!

    Martin Bugelli
    Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta