And the winner is … Erm, ’qas naf ta …

    Il-ġimgħa li għaddiet tħabbar ir-rebbieħ tal-Booker Prize. Possibbilment l-iżjed premju tal-ktieb prestiġjuż fid-dinja, ikopri letteratura bl-Ingliż – sa ftit snin ilu biss għal awturi Ingliżi u tal-Commonwealth, u fl-aħħar snin infetaħ ukoll għal awturi minn kull parti tad-dinja li jiktbu bl-Ingliż.

    Korrezzjoni: dis-sena, ma tħabbarx rebbieħ, imma rebbieħa. Mhux rebbieħa (femminil), imma rebbieħa (plural). Iva, żewġ rebbieħa. Qisu kieku fil-Eurovision, jew il-Festival ta’ Sanremo, ikun hemm żewġ kanzunetti rebbieħa ex aequo fl-istess sena. Jew fil-World Cup it-Tazza tingħata lil żewġ timijiet f’daqqa.

    Kienet ġa ġrat darbtejn fil-Booker, l-aħħar darba fis-snin disgħin. U wara li ġrat l-aħħar, tant ma ntgħoġbitx did-deċiżjoni li nbidlu r-regoli tal-Premju biex speċifikament jiġi pprojbit li l-premju jerġa’ jinqasam bejn tnejn.

    Imma dis-sena, il-ġurija ddeċidiet li tiġi taqa’ u tqum mir-regoli, u trebbaħ lil żewġ awturi f’daqqa.

    Ovvjament inqala’ kjass sħiħ. Hemm min qal li l-ġurija ma ħamlitx trebbaħ – għall-ewwel darba fl-istorja tal-Premju – awtriċi mara u sewda, Bernardine Evaristo, u għalhekk tatu wkoll lil mara ta’ ġilda bajda, waħda mill-iżjed stabbiliti fix-xena internazzjonali. Hemm min qal li Margaret Atwood – waħda miż-żewġ rebbieħa – tant hi awtriċi ta’ statura enormi, u li skont ħafna kien ħaqqha tirbaħ fl-1986 għal The Handmaid’s Tale, li l-ġurija riedet tagħmel tajjeb għal dan l-iżball billi trebbaħha dis-sena li kienet qed tikkonkorri bis-sequel, The Testaments.

    Insomma, il-komplottisti letterarji kellhom xalata. Issa erħilu li The Testaments f’dax-xahar li ilu li ħareġ, kiser qatta’ rekords ta’ bejgħ madwar id-dinja – frott il-kurżità tal-fans kollha (jien minn tal-ewwel) ta’ The Handmaid’s Tale. U erħilu wkoll li Girl, Woman, Other – ir-rumanz rebbieħ l-ieħor – ukoll qed jagħmel ħafna ħoss u l-bejgħ tiegħu tiela’ sew.

    Imma lil hinn mid-diskorsi “Kienu ħaqqhom it-tnejn” jew “Iż-żminijiet jinbidlu, hemm bżonn ninbidlu magħhom”, hemm punt kardinali għala ħafna nies – jien fosthom – iddiżappuntati. Meta tidħol għal konkors, taċċetta r-regoli tal-logħba. U meta – aktar u aktar – taċċetta li tagħmel parti minn ġurija ta’ premju, taċċetta li tiġġudika u tiddeċiedi skont l-istess regoli. Jekk ir-regoli jogħġbukx, storj’oħra. Imma la dħalt għal-logħba, taċċetta r-regoli u timxi magħhom.

    Din il-ġurija le. Ġiet taqa’ u tqum mir-raison d’etre ta’ kull premju, li hu li f’premju jrid ikun hemm rebbieħRebbieħ wieħed. U ddeċidiet li tinjora r-regoli u trebbaħ tnejn. L-uniku mod kif setgħu kienu iżjed ridikoli minn hekk, kien ikun kieku ddeċidew li pereżempju ma jrebbħu lil ħadd. Imma – almenu, kif jgħidu l-Ingliżi thank God for small mercies – ma kinux daqshekk kodardi, u deċiżjoni ħaduha. Ħalli li xorta skansaw ir-responsabbiltà tal-għażla u ddeċidew li ma jagħżlux bejn tnejn … Faċli u konvenjenti wisq, li tgħid “Ħeqq, it-tnejn tajbin se rrebbaħhom it-tnejn.”

    Ikun interessanti naraw x’se jkun il-pass li jmiss tal-organizzaturi.