Aktar drittijiet għall-artisti Maltin

    Din il-ġimgħa ntlaħaq ftehim fuq il-liġi ġdida li hi ta’ interess kbir għalina li nużaw l-internet, għall-artisti, l-għalliema, l-ġurnalisti, u l-qasam kulturali u kreattiv.

    Permezz ta’ din il-liġi, mużiċisti, performers, u awturi se jkunu jistgħu jinnegozjaw renumerazzjoni għall-użu tax-xogħol tagħhom sabiex dan jintuża jew jidher fuq pjattafomi online bħal YouTube u Facebook.

    Din il-liġi tassigura wkoll ġurnaliżmu tal-ogħla kwalità. Dan billi l-ġurnalisti ħa jkollhom id-dritt li jirċievu kumpens xieraq għall-użu online tal-publikazzjonijiet tagħhom. Mhu ħa jkun hemm ebda bżonn ta’ xi pagament sabiex wieħed jaqsam ma’ oħrajn links flimkien ma’ test personali jew xi kwotazzjoni qasira minn dik il-link online bħal fuq Facebook.

    Fil-mod kif tfasslet il-liġi l-ġdida, ġie assigurat illi ma jkun hemm ebda impatt fuq il-libertà tal-espressjoni. Kontra dak li ħasbu xi wħud, il-memes u l-parodiji mhux ħa jkunu affetwati u ħa nkunu nistgħu nkomplu ngawdu mis-satira inkluż dik politika. Anzi jekk xi kontenut jitneħħa mill-internet mingħajr ġustifikazzjoni valida, ħa jkun hemm mekkaniżmu biex wieħed jikkontesta dik id-deċiżjoni.

    Din il-liġi ħa tiffaċilita wkoll l-użu ta’ kontenut bħal publikazzjonijiet  u data li tinsab online għal skopijiet ta’ riċerka (text and data mining), miżura li ħa tkun ta’ beneffiċju għal ċentri tar-riċerka u universitajiet. Din il-liġi hi wkoll ta’ beneffiċju għall-edukazzjoni billi studenti u għalliema ħa jkunu jistgħu jagħmlu użu minn aktar kontenut bħal ritratti għal skop edukattiv kif ukoll għal korsijiet online.

    Barra minn hekk din il-liġi ħa tippermetti l-preżervazzjoni diġitali tal-wirt kulturali li jinsab fil-mużewijiet Ewropej u f’arkivji.

    Kburi li jien tajt l-appoġġ kollu tiegħi lil din il-liġi wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ stakeholders Maltin. Nemmen bis-sħiħ li din ħa tħalli impatt pożittiv anke fuqna li nużaw l-internet u ħa tassigura li l-kreaturi u l-artisti jkomplu joffrulna kontenut għat-tgwadija tagħna. Ħa toffri wkoll opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ tagħna biex jikbru u jimirħu online filwaqt li tissalvagwardja l-impjiegi bħal tal-ġurnalisti u tiffaċilita l-ħajja tal-għalliema u r-riċerkaturi.

    Jien se nkompli wkoll ninstiti li l-YouTubers Maltin jitħallsu tax-xogħol li huma jtellgħu online.