Agħtu lill-vot tagħkom l-importanza li tistħoqqlu

    Jean-Claude Juncker

    Fi ftit ġimgħat oħra, l-Ewropej se jivvutaw fl-akbar eżerċizzju demokratiku transnazzjonali fid-dinja. Mal-427 miljun ruħ fi 28 pajjiż se jivvutaw għall-membri tal-Parlament Ewropew li se jirrappreżentawhom. Meta jagħmlu dan, huma se jkunu wkoll qed jiddeterminaw id-direzzjoni li l-politika Ewropea se tieħu fil-ħames snin li ġejjin.

    Ċertament, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ilhom ibatu minn apatija kbira fost il-votanti. Ta’ spiss tisma’ persuni li jiġġustifikaw l-astensjoni tagħhom billi jgħidu “x’differenza jista’ jagħmel il-vot tiegħi wara kollox?”. Il-problema b’dan hija x’jiġri jekk kulħadd jirraġuna l-istess. Meta jmorru jivvutaw, kull Ewropew u Ewropea  għandhom jimmaġinaw li kulħadd se jivvota l-istess bħalhom — u jieħdu r-responsabbiltà għall-konsegwenzi li dan jista’ jkollu fuq il-kontinent tagħna.

    Għax verament huwa importanti. Huwa importanti għall-pjaneta tagħna jekk nivvutawx lill-persuni li se jmexxu l-isforzi kontra t-tibdil fil-klima. Huwa importanti għall-impjiegi tagħna jekk nivvutawx lil dawk li se jaħdmu biex jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema fl-era diġitali. Huwa importanti għas-sigurtà tagħna jekk nivvutawx lill-persuni li se jiddefendu lill-Ewropej f’dinja fejn potenzi qodma u ġodda ddeċidew li jew imexxu għal rashom jew inkella li jaħdmu skont ir-regoli tagħhom stess. L-Ewropa sservi lilek — u mhux bil-kontra. U dan tiżgurah bil-vot tiegħek.

    L-Ewropej dejjem iġġieldu għad-drittijiet tagħhom, għal-libertajiet tagħhom, għall-valuri tagħhom, għas-sovranità tagħhom. U llum ma għandux ikun differenti.

    F’kull pajjiż se jkun hemm kandidati li se jisħqu bis-saħħa li l-Ewropa qatt ma hija t-tweġiba, li l-Ewropa qed tiekol l-identità nazzjonali tagħna. Ma nemminx li dan huwa minnu. Hemm għadd kbir ta’ oqsma fejn in-nazzjonijiet tal-Ewropa jistgħu sempliċiment jiksbu aktar flimkien milli jistgħu jiksbu waħedhom — pereżempju meta wieħed jiġi biex jieqaf lill-ġganti tat-teknoloġija, iżomm sikuri l-fruntieri esterni tagħna, jikkonkludi ftehimiet kummerċjali jew inaddaf l-oċeani tad-dinja mill-iskart tal-plastik.

    U għalhekk irridu niġġieldu lill-populisti fejn huma dgħajfa: bl-azzjoni mhux bil-kliem. bit-tama mhux bil-biża’. bl-għaqda mhux bil-firda. U bi pjan ċar għal futur aħjar, mhux b’nostalġija għal imgħoddi li qatt ma eżista.

    Meta ġejt elett President tal-Kummissjoni Ewropea, il-mandat tiegħi kien ċar: li niffoka fuq l-affarijiet li huma l-aktar importanti għall-Ewropej. U dan hu eżattament dak li għamilna. Issa hemm 240 miljun Ewropew jaħdmu — aktar minn qatt qabel. Il-qgħad niżel f’livell rekord għal dan is-seklu. Il-pagi żdiedu b’5.7 %. Issa għandna Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta apposta biex tgħin fil-protezzjoni tal-fruntieri tagħna, anki jekk għadna rridu ntemmu l-ħidma dwar dan u nżidu l-għadd tal-gwardji tal-fruntieri tal-UE għal 10,000 persuna. Issa nistgħu nużaw ir-roaming daqslikieku qegħdin f’pajjiżna kull fejn inkunu fl-Unjoni u nistgħu nużaw l-istreaming permezz tal-abbonamenti tagħna anki meta nkunu f’pajjiż ieħor tal-UE. Il-kumpaniji tagħna issa jistgħu jinnegozjaw mal-Ġappun mingħajr ma jħallsu t-tariffi, bis-saħħa tal-akbar ftehim kummerċjali li qatt sar.

    Iżda l-Ewropa mhijiex biss numri u statistiċi — l-Ewropa hija valuri kondiviżi. L-Ewropa hija l-14,000 żagħżugħ u żagħżugħa li vvolontarjaw permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex jgħinu fil-bini mill-ġdid ta’ żoni milquta minn terremot fl-Italja. L-Ewropa hija l-ħaddiema tat-tifi tan-nar Pollakki milqugħa bħala eroj fit-toroq tal-Iżvezja meta waslu hemm biex jgħinu fit-tifi tan-nirien. L-Ewropa hija t-30,000 żagħżugħ u żagħżugħa li jivvjaġġaw madwar il-kontinent permezz tal-ferrovija bis-saħħa tal-programm DiscoverEU u l-10 miljun student tal-Erasmus li esploraw kulturi, storja u lingwi ġodda.

    Tul it-triq tagħna ltqajna ma’ ħafna sfidi differenti. Kull darba ħriġna aktar b’saħħitna u aktar magħquda. Żgurajna li l-Greċja tibqa’ fl-ewro kontra kull diffikultà u tbassir. Naqqasna l-għadd ta’ nies li jaslu fi xtutna b’mod irregolari b’90 %, anki meta xi wħud qalu li l-kriżi tal-migrazzjoni ma kinitx maniġġabbli. U lkoll bqajna magħquda meta wieħed minn tagħna stess, ir-Renju Unit, iddeċieda li jitlaq mill-Unjoni.

    Dejjem nistgħu nagħmlu aktar u aħjar. Iżda dan kollu ta saħħa ġdida lill-Unjoni tagħna. Fakkarna li l-Unjoni tagħna ma għandhiex titqies bħala fatta — irridu nitqabdu għaliha kuljum. L-opinjoni pubblika hija l-ogħla f’27 sena. F’Malta, 69% jaħsbu li s-sħubija fl-UE hija ħaġa tajba u 68% jivvutaw biex jibqgħu jekk ikun hemm referendum għada.

    Iżda l-bini tal-Ewropa qatt ma jieqaf. Ejja ma ninsewx li 30 sena ilu kien għad hemm il-Purtiera tal-Ħadid u l-Ħajt ta’ Berlin. L-Ewropej dejjem iġġieldu għad-drittijiet tagħhom, għal-libertajiet tagħhom, għall-valuri tagħhom, għas-sovranità tagħhom. U llum ma għandux ikun differenti.

    L-elezzjoni Ewropea fil-25 ta’ Mejju hija l-opportunità tiegħek biex issemma l-vuċi tiegħek u ssostni dak li temmen fih. Hekk kif ikunu waħedna fil-kabina tal-votazzjoni tagħna, nafu li aħna lkoll għandna l-istess setgħa u influwenza fuq il-futur komuni tagħna. Dakinhar, aħna lkoll Ewropej. F’idejna, aħna lkoll għandna d-destin tagħna.

    Jean-Claude Juncker huwa l-President tal-Kummissjoni Ewropea