Addendum – Telefonata ’l bogħod

    Fi żmien il-pandemija magħrufa bħala Covid-19, ġejt avviċinat mid-diriġenti ta’ Net FM biex ta’ kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd, mill-10.30 sa nofsillejl, inkun preżenti fl-istudjow nittkellem mas-semmiegħa permezz ta’ Facebook, Whatsapp u anki permezz ta’ SMS. Dħalt għal din l-isfida b’entużjażmu u b’impenn. Anki għal semmiegħ wieħed jew waħda kont nidħol għal din l-isfida.   Grazzi għal tim sħiħ li flimkien miegħi, segwejna lil dawk li jikkomunikaw miegħi waqt il-programm jew wara l-programm, grazzi għalihom li flimkien wassalna diversi messaġġi soċjali.

    Waqt dawn il-programmi ta’ kuljum iffukajna FUQNA personalment,  jiġifieri fuq kif “AĦNA” nistgħu naġixxu aħjar, biex ħajjitna tkun sħiħa, mimlija, kuntenta, u ta’ suċċess, madankollu kontinwament fakkarna lis-semmiegħa fuq l-importanza ta’ kemm għandna għotja u ġenerużi.

    Spiss fakkarna li aħna ngħixu f’komunità waħda, f’familja tal-umanità, u biex dejjem iġibu l-interessi ta’ ħaddieħor qabel l-interessi tagħhom infushom, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi.  F’ kelma waħda jinvestu fil-bank ta’ l-univers. Il-programm radjufoniku Telefonata ’l bogħod  preżenta ‘manwal’ ta’ kif nieħdu ħsiebna nfusna. Dan importanti sabiex ikunu ‘aktar’ kapaċi nieħdu ħsieb lil ħaddieħor, u dan nagħmluh b’ sens ta’  mħabba aktar milli b’sens ta’ obbligu. Tkellimna matul il-programmi dwar kif nistgħu nieħdu r-riedni ta’ ħajjitna f’idejna stess,  minflok ma noqogħdu  nwaħħlu fid-destin jew fl-iżvintura. Il-messaġġi f’dawn il-programmi kienu ċari u twasslu bi mħabba kbira u b’passjoni minn għadd kbir ta’ mistiedna, opinjonisti u professjonisti li għoġobhom jieħdu sehem. Kienu messaġġi sempliċi apposta sabiex il-messaġġ jasal għand kulħadd.  Tajt tips konċiżi u sempliċi, bil-għan li s-semmiegħa jibqgħu jiftakru u jatwaw dan it-tagħrif u jaddattawh għal ħajjithom.  Kienu diversi messaġġi sempliċi, fosthom dan li ġej:-

    • Il-milja tal-ħajja, la tiġi mill-materjal u lanqas mill-frugħa tad-dinja, imma minn emozzjonijiet, mill-imġiba tal-bnedmin miegħek, mir-relazzjonijiet u mit-tagħrif, mill-għerf intern.
    • Int u int biss trid tipprogramma ħajtek b’dawn l-ideat, ħadd aktar.
    • Kif tipproggramma ħajtek? ….. Xi trid tagħmel?
    • Dawwar ħajtek u l-attività tiegħek ma’ bnedmin pożittivi. Il-bnedmin ta’ madwarna, kapaċi jaffettwaw 85% tal-ambjent ta’ madwarna.
    • Aħseb fis-suċċessi u l-għanjiet li għandek f’ ħajtek u li trid takkwista.
    • Iċċelebra ma’ bnedmin ta’ veru u li jifirħu bis-suċċessi tiegħek.
    • Strieħ u ċċarġja l-
    • Għin lill-oħrajn.
    • Ħu ħsieb tiegħek innifsek.
    • Sib it-tajjeb f’ħaddieħor

    Irċevejt ukoll diversi messaġġi personali u oħrajn biex naqsamhom mal-kumplament tas-semmiegħa bħal dawn:-

    • Tedukax lil uliedek biex isiru sinjuri – edukahom biex jitilgħu bnedmin sħaħ u ferħanin.
    • Meta jikbru jagħrfu l-valur tal-oġġett u mhux iħarsu lejn kemm jiswa fil-prezz!
    • Kul tajjeb biex tevita li toqgħod tonfoq flusek fil-mediċina. Inkella tispiċċa tonfoq flusek fil-mediċini, mhux biss, …. tispiċċa tiekol il-mediċini minflok l-ikel.
    • Min iħobbok veru, ma jħallik qatt għal ħaddieħor. Anki jekk hemm elf raġuni biex wieħed iwarrab …. min iħobbok veru, isib dik ix-xi ħaġa waħda, għalfejn għandu jibqa’ miegħek!
    • Hemm differenza kbira bejn uman u TKUN UMAN! Din id-differenza ftit jifhmuha!
    • Meta titwieled kulħadd jifraħ bik u jiggustak. Meta tmut, kulħadd jibkik u jgħid elf eloġju dwarek.   Xi mkien fin-nofs trid tibqa’ tikkumbatti mal-ħajja!

    Esperjenzi partikolari ma naqsux tul is-sensiela kollha.   Xi wħud isiru awtomatikament parti mill-programm bħal Charles tal-Kalkara, Jessica ta’ Ħ’Attard, Toni ta’ Ħal Qormi, John ta’ Ħal Qormi, Alex u Monica ta’ Ħal Tarxien, Lola, Vicky, Rosiane u Tania ta’ Ħ’Attard fost oħrajn.   Imma mbagħad kien hemm dawk l-esperjenzi fis-silenzju, dawk l-esperjenzi li komplew jimlewni b’ħafna tagħrif u informazzjoni dwar il-bniedem li mis-skiet ta’ kamartu u s-satra tal-lejl jgħaddi minn stejjer ta’ niket, ta’ solitudni, stejjer li ma jistgħu jitfissru bl-ebda kliem u kitba.  Mingħajr ma ninħass pessimist, kien hemm ukoll stejjer sbieħ u ta’ suċċess.  Bħal meta sibna saqaf lil raġel li kien ilu jgħix fit-triq u li ċempilnielu biex jaqsam l-esperjenza tiegħu.   Bħal meta rċevejna ammont kbir ta’ xirjiet għal dawk li ma bdewx ilaħħqu mal-ħajja u li n-numru ma kienx wieħed żgħir.  Imma kien hemm ukoll episodji mill-aktar interessanti, bħal f’Jum fost l-oħrajn, rajt jistennieni barra raġel mitluq u abbandunat, bilqiegħda fuq bankina u tani biċċa karta b’ dawn il-kelmiet :-

    Jekk ma tistax ittir iġri

    Jekk ma tistax tiġri …imxi

    Jekk ma tistax timxi … tkaxkar

    Basta dejjem …’il QUDDIEM

    Dakinhar kont qrajtha fil-programm. Ikun hemm ukoll dawk is-semmiegħa li tkun ilqatthom b’xi kelma partikolari u kważi, kważi jaqraw dak li int tkun qed tesprimi  b’uġigħ.  Għax minkejja li nkun qiegħed nimmotiva lis-semmiegħa, mhux l-ewwel darba li xi ħadd b’sempliċiment messaġġ fuq Facebook jipprova jweġġgħek u jaqtagħlek qalbek. Jum fost oħrajn waqt programm, waqt li kont qed nittkellem mas-semmiegħa, jidħol messaġġ iebes minn persuna anonima (fake profile). Il-fake jibqa’ fake, imma wara dak il-fake profile hemm bniedem li għandu qalb u moħħ, għandu għajnejn u fuq kollox ruħ. Fl-istess ħin jidħol messaġġ bl-ingliż li kien jgħid hekk “KILL THEM WITH YOUR SUCCESS.” Imma xorta kien jiddispjaċini għal dawk li jinħbew wara profil falz. Il-messaġġi ta’ kuraġġ, messaġġi ta’ gratitudni u messaġġi pożittivi ma naqsux għax l-agħar forma ta’ vjolenza huwa l-faqar ta’ xi wħud. Fuq kollox is-semmiegħa draw l-istil tal-programm u bdew isegwuh, l-aktar dawk li ħassew il-ħtieġa li jipparteċipaw b’mod attiv.

    Tim sħiħ konna nxandru l-istess messaġġ b’ modi differenti, grazzi għal numru kbir ta’ kontributuri li regolarment kienu jippreparaw minn qalbhom, għax fehmu li hemm barra hemm bnedmin li jeħtieġu kelma ta’ faraġ u kuraġġ.   Messaġġi bħal tal-Beatitudnijiet u d-Desiderata ta’ Max Ehrmann, inqalbu għal Malti u bdew jitqassmu lil dawk is-semmiegħa li jitolbuha.

    Il-mantra tagħna beda jkun kliem sabiħ u ta’ kuraġġ bħal “Moħħi mistrieħ, ħajti mimlija, kollox sejjer tajjeb għalija.  Jew meta urejna li l-paċi fil-qalb tinkiseb biss meta tkun kuntent bil-mument u b’ dak li għandek.  Saħansitra l-ħajja sabiħa anki meta ssib ruħek f’rokna, għax f’kull rokna hemm lezzjoni.

    Fi żmien il-pandemija, kulħadd kien konxju ta’ saħħtu, allura b’ messaġġi sottili konna spiss intennu li l-aqwa SITT tobba fid-dinja huma x-xemx, il-mistrieħ, l-eżerċizzju, id-dieta, il-kunfidenza fik innifsek u l-ħbieb ta’ veru!

    L-aspettattiva tiegħi u tat-tim formidabbli ntlaħqet.  Aħna ridna nwasslu messaġġ biex nibqgħu miexjin ’il quddiem akkost ta’ kollox, ma naħlux ħin, nadattaw irwieħna ma’ kull bidla li toffri l-ħajja, preparati u lesti għal sfida, inżommu ruħna ferħanin sakemm nistgħu,  ma naħlux enerġija żejda fuq dak li m’għandniex kontroll fuqu,  inkunu ġusti u ġentili, ma nibżgħux nitkellmu, nirriskjaw u fuq kollox nifirħu bis-suċċessi ta’ ħaddieħor.

    Grazzi mill-ġdid lit-tim, fuq kollox GRAZZI wkoll  lis-semmiegħa, li jum fost oħrajn organizzajna serata indimentikabbli biex ma jibqax kollox vuċi, imma dik il-vuċi ssir realtà!