A funny thing happened on the way to the forum

    A funny thing happened on the way to the forum. Beda Festival tal-Ktieb ieħor – l-aktar avveniment popolari u prestiġjuż fid-dinja tal-ktieb hawn Malta – u l-għajta tal-Festival kienet ktieb li ilu sena u nofs li ħareġ. Castillo ta’ Clare Azzopardi, rumanz li ħareġ is-sena l-oħra u li kiseb suċċessi kbar ta’ kritika u pubbliku għall-awtriċi Clare Azzopardi, donnu ġema’ t-tant imfittex word of mouth li wassal lill-akkaniti tal-kotba jfittxuh waqt il-Festival.

     

    Għen ukoll il-fatt li l-kwalità letterarja tar-rumanz ġiet rikonoxxuta mill-ġurija tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb li għażlet li tqiegħdu fost it-tliet finalisti għall-Premju, li r-rebbieħ tiegħu se jitħabbar ix-xahar id-dieħel.

     

    Iżda forsi l-aktar ħaġa inkoraġġanti dwar din in-nominazzjoni għal Castillo hu li jidher li, fl-aħħar, bdejna nimmaturaw bħala pajjiż. Għax Castillo jittratta t-tmeninijiet turbolenti f’Malta, u l-affarijiet oskuri li kienu qed jiġru fil-Korp tal-Pulizija u bnadi oħra. Meta trawma nazzjonali ma tiġix ittrattata fil-letteratura ta’ pajjiż, il-ġerħa tikber u tibqa’ ma tfiqx. U fl-aħħar, b’Castillo, kien hawn rumanz li jittratta direttament – għalkemm b’mod fittizju – il-qtil ta’ persuna ġewwa d-Depot tal-Pulizija, il-qtil ta’ kittieba skomda b’karozza-bomba u atroċitajiet oħra.

     

    Castillo huwa l-istorja ta’ omm li għosfrot, u bint li qed tfittixha. Omm li għosfrot wara li qatlet żewġ irġiel, li t-tnejn fl-1976 kienu ppużaw għal ritratt mad-dittatur Libjan Muammar Gaddafi waqt żjara statali tiegħu hawn Malta. Wieħed minn dawn iż-żewġ irġiel huwa l-Ispettur Dennis Castillo. L-ieħor huwa raġel issuspettat li kien involut fil-qtil ta’ kittieba b’karozza-bomba.

     

    Azzopardi – waħda mill-aqwa kittieba Maltin kontemporanji u li qed tiġi rikonoxxuta anki lil hinn minn xtutna, b’xogħlijiet tagħha tradotti u ppubblikati barra minn Malta u li ġa rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bil-kotba preċedenti tagħha għall-adulti, Kulħadd ħalla isem warajh u Il-linja l-ħadra – tħoss li spiss aħna l-Maltin nevitaw li naffaċċjaw il-verità dwar dak il-perjodu tal-istorja tagħna.

     

    “Spiss aħna kuntenti nibqgħu nilagħbu l-logħba tal-aħmar u l-blu … l-aqwa li dejjem nispiċċaw draw. ‘Inti qtilt lil dik, aħna qtilna lill-ieħor,’ mel’OK ta għax qegħdin draw u m’hemmx għalfejn nippruvaw nifhmu sew x’ġara,” qalet Azzopardi.

     

    Biss jien ħarira iżjed ottimist minn Azzopardi. Għax – appuntu – ktieb prestiġjuz u akklamat bħal Castillo dis-sena ġie nnominat fost il-finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, premju li jingħata proprju ġewwa Kastilja allura anki simbolikament dan juri maturità f’pajjiż fejn ktieb “skomdu” mhux qed jipprova jitgħatta imma ladarba ħaqqu qiegħed jingħata l-ġieħ mistħoqq. Fi żminijiet oħra – nittamaw imbiegħda – kienet abbli tiġi vvintata xi strataġemma biex dal-ktieb skomdu “jisparixxi” mill-premju u b’xi mod jintefa’ taħt it-tapit.

     

    Imma jidher li qed nimmaturaw ftit. Fl-aħħar.