100 sena glorjużi tal-Partit Laburista, 1920-2020

    25 ta’ Diċembru, 1860: Jitwieled il-patrijott Malti, Manwel Dimech li jaqbeż għad-drittijiet tan-nies oppressati Maltin kontra l-ħakkiema kolonjali u l-klassijiet privileġġjati f’Malta.

    7 ta’ Mejju, 1917: L-Imperial Government Workers’ Union tibda strajk fit-Tarzna fejn is-segwaċi ta’ Manwel Dimech kienu l-aktar b’saħħithom. Iktar tard, bil-għajnuna tad-trejd-unjinista Matthew Giles, jitwaqqfu l-Workers’ Union Branch Number 1 għall-ħaddiema tat-Tarzna, il-Workers’ Union Branch Number 2 għall-impjegati mas-Servizzi, u l-Workers’ Union Branch Number 3 għall-ħaddiema tal-partikular. Minn dan tal-aħħar joħroġ il-Partit Laburista.

    7 ta’ Ġunju, 1919: L-Irvellijiet tas-Sette Giugno minħabba l-qagħda ekonomika, soċjali u politika fil-pajjiż. Jinqatlu sitt Maltin mill-Ingliżi.

    15 ta’ Ottubru, 1920: Jitwaqqaf il-Partit Laburista bl-isem “Camera del Lavoro”. Il-Fundaturi  tal-Partit  huma  tnax:  Antonio  Agius,  Guliermo  Arena,  Ġanni  Bencini,  Robert  Bencini,  Carmelo  Bonello,  Gaetano Bonello,  Mikiel  Borg,  Mikielanġ  Borg,  Agostino  Matrenza,  Antonio  Schembri,  Giacinto  Tua,  u  Salvu  Zammit  Hammet.

    15 ta’ Diċembru, 1920: Jasal Malta l-Ġiżwita, Father Charles Dominic Plater, bniedem li kien jaħdem ħafna għall-ġid tal-ħaddiema. Jibda jżur il-każini tal-Partit Laburista u jagħmel konferenzi ta’ tagħlim kbir soċjali. Jagħmel erba’ ġimgħat ta’ diskorsi u ta’ laqgħat u jqajjem entużjażmu kbir fost il-ħaddiema. Kaġun tal-fatt li kien marradi, imut fil-21 ta’ Jannar, 1921.

    15 ta’ Marzu, 1921: Issir l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Ġenerali tal-Partit Laburista. Il-Kurunell William Savona jinħatar bħala President.

    14 ta’ April, 1921: Malta tingħata Kostituzzjoni li tipprovdi għal Gvern Responsabbli. Il-Partit Laburista jikkontesta l-ewwel elezzjoni ġenerali f’Malta f’Ottubru tal-istess sena.

    2 ta’ Jannar, 1924: Tisfaxxa koalizzjoni bejn il-Partit Laburista u l-Unione Politica Maltese hekk kif il-Ministri Laburisti, il-Kurunell William Savona u l-Kurunell Michael Dundon jirriżenjaw minħabba li tal-UPM ma mxewx sew mal-Partit Laburista.

    25 ta’ April, 1925: Ġino Muscat Azzopardi jibda joħroġ il-ġurnal “Dr. Xecchec”, ġurnal umoristiku niggieżi.

    25 ta’ Jannar, 1926: Il-Partit Laburista jiffirma l-“Compact” mal-Partit Kostituzzjonali, immexxi minn Gerald Strickland, li permezz tiegħu tidħol fis-seħħ leġiżlazzjoni soċjali wara l-1927, bl-iktar importanti jkunu l-Workmen’s Compensation Act, l-Urban Rent Regulation Act, u s-Small Dwellings Acquisition Act, kollha fl-1929.

    4 ta’ Mejju, 1926: Għall-ewwel darba, Jum il-Ħaddiem jitfakkar f’Malta fil-każin tal-Partit Laburista fl-Isla.

    11 ta’ Ġunju, 1928: Tibda l-ewwel kwistjoni politiko-reliġjuża f’Malta: sanzjonijiet reliġjużi kontra l-Partit Laburista. Tibqa’ sejra sal-1932.

    5 ta’ April, 1930: Taħt il-Gvern tal-“Compact” magħmul mill-Partit Kostituzzjonali mmexxi mill-Prim Ministru Gerald Strickland u appoġġjat minn barra l-Gvern mill-Partit Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa, titpoġġa l-ewwel ġebla fil-bini tal-Isptar San Luqa.

    13 ta’ Ġunju, 1931: Fi żmien il-“Kwistjoni tal-Lingwa”, il-Mexxej Laburista, Pawlu Boffa, jinsisti ma’ Kummissjoni Rjali li l-Ilsien Malti huwa l-ilsien tal-poplu u għandu jingħata l-ewwel post.

    11-13 ta’ Ġunju, 1932: Issir l-ewwel elezzjoni ġenerali wara l-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża. Riżultat ta’ din il-kwistjoni, il-Partit Laburista jġarrab telfa kbir u jiġi elett biss il-Mexxej, Pawlu Boffa.

    18 ta’ Marzu, 1933: Il-Każ tas-Sedizzjoni. Laburisti jittellgħu l-Qorti għax kellhom letteratura meqjusa sedizzjuża fil-pussess tagħhom.

    9 ta’ Ġunju, 1933: Fl-agħar żmien fl-istorja tal-Partit Laburista, il-ġurnal Nazzjonalista “The Mid-Day Views” iħabbar il-mewt imminenti tal-Partit Laburista. Il-Mexxej Laburista, Pawlu Boffa, iwettaq ir-riformi meħtieġa biex isalva l-Partit: ma tittellax il-bandiera ħamra fuq il-każini Laburisti, ma jitkantax “L-Innu tal-Bandiera l-Ħamra” fl-attivitajiet, tinbidel il-bandiera tal-Partit, u l-isem tal-Partit isir “Il-Partit tax-Xogħol”.

    L-1 ta’ Jannar, 1934: Il-Malti (flimkien mal-Ingliż) isir Ilsien Uffiċjali ta’ Malta bil-ħidma tal-Partit Laburista.

    5 ta’ April, 1936: Imut it-Tabib u Kurunell Michael Dundon li serva bħala Ministru tas-Saħħa fis-snin għoxrin u kien anke jmexxi l-Partit Laburista.

    2 ta’  Settembru, 1936: Tingħata Kostituzzjoni ġdida lil Malta li toħloq Kunsill Eżekuttiv flok il-Gvern Responsabbli tal-Kostituzzjoni tal-1921. Pawlu Boffa jużah għal kisbiet importanti: titnaqqas it-taxxa tal-ħobż; jiġu vvutati flus għad-drenaġġ, dawl u ġbir ta’ skart; issir żieda fit-taxxa tas-suċċessjoni; isiru liġijiet dwar il-prinċipju tal-paga minima u s-sigħat tax-xogħol; titjib fid-Dipartiment tas-Saħħa; u jitwaqqaf iċ-Ċentru tal-Pastorizzazzjoni tal-Ħalib.

    15 ta’ Mejju, 1939: Iż-żgħażugħ Dom Mintoff jikteb fid-Daily Malta Chronicle: “Malta għandha bżonn ta’ membri b’ideat friski biex jiġbru flimkien l-elementi progressivi kollha u jibdlu s-sistema soċjali medjevali f’oħra li tkun ta’ għira għall-bqija tad-dinja”.

    5 ta’ Ottubru, 1943: Titwaqqaf il-General Workers’ Union.

    8 ta’ Lulju, 1944: Il-General Workers’ Union tibda toħroġ il-ġurnal “The Torch” li eventwalment jinbidel ismu u jsir “It-Torċa”. Dan il-ġurnal jgħin ħafna lill-Partit Laburista fil-ħidma tiegħu biex iwassal il-messaġġ tiegħu lill-poplu Malti.

    20 ta’ Jannar, 1945: Tibda tiltaqa’ l-Assemblea Nazzjonali li fiha l-Partit Laburista u l-General Workers’ Union jiffurmaw il-“Labour Front” biex jaqbeż għad-drittijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Jitneħħa l-“plural voting” u s-Senat. Jingħata l-vot lin-nisa.

    14 ta’ Awwissu, 1945: Delegazzjoni magħmula mill-Partit Laburista u l-General Workers’ Union tiltaqa’ mal-Prim Ministru Laburista Ingliż, Clement Attlee, u mas-Segretarju għall-Kolonji, George Henry Hall, u titlob li l-Ingilterra għandha tagħmel tajjeb għall-ħsarat tal-gwerra u taghti għajnuna finanzjarja lil Malta.

    L-1 ta’ Frar, 1946: Tidħol fis-seħħ il-“Compulsory Education Ordinance” li tagħmel l-iskola primarja ta’ bilfors. Dan bis-saħħa tal-ħidma tal-Partit Laburista li dejjem saħaq fuq l-edukazzjoni ta’ bilfors sa mit-twaqqif tiegħu.

    25-27 ta’ Ottubru, 1947: Issir elezzjoni ġenerali taħt il-kostituzzjoni l-ġdida tas-“Self-Government”. In-nisa jivvotaw għall-ewwel darba grazzi għall-ħidma tal-GWU u l-PL fl-Assemblea Nazzjonali tal-1945. Jitla’ fil-poter l-ewwel gvern Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa. Il-Partit  Laburista  jikseb  59.9%  tal-voti,  jiġifieri  24  siġġu  minn  40  possibbli.

    2 ta’ Awwissu, 1948: Old Age Pensions Regulations. Qabel daħlet fis-seħħ din il-pensjoni, min jirtira kien jispiċċa jgħix fil-faqar. Il-Gvern Laburista ta’ Boffa idaħħal ukoll l-Income Tax.

    21 ta’ Marzu, 1949: Dr Antonio Schembri Adami, il-Ministru tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali tal-Gvern Laburista, fl-Assemblea Leġiżlattiva jagħti statistiċi li juru progress kbir fil-ġlieda kontra diversi tipi ta’ mard li kienu għadhom prevalenti fil-Gżejjer Maltin f’dawk iż-żminijiet, fosthom id-Diphtheria, it-Tuberkulożi, u l-Poliomyelitis.

    16 ta’ Ottubru, 1949: Wara l-iSplit, il-Perit Duminku Mintoff jilħaq Mexxej tal-Partit Laburista.

    L-1 ta’ Settembru, 1950: Isir attentat fuq il-ħajja tal-Perit Dom Mintoff f’Raħal Ġdid.

    14 ta’ Jannar, 1951: Fuq idea tal-attivist Laburista Ġerry Zammit mill-Gżira, jitwaqqaf il-Labour League of Youth, illum il-Forum Żgħażagħ Laburisti.

    26-28 ta’ Frar, 1955: Issir elezzjoni ġenerali li tintrebaħ mill-Partit Laburista b’Duminku Mintoff jilħaq Prim Ministru. Wara li kienet eletta l-ewwel Deputat mara fl-1947, Agatha Barbara ssir l-ewwel Ministru mara u tmexxi ‘l quddiem l-edukazzjoni f’Malta bi programm ta’ bini ta’ skejjel madwar il-Gżejjer Maltin. Fl-1956, il-Gvern Laburista jestendi u jsaħħaħ is-servizzi soċjali permezz ta’ “The National Assistance Act” u “The National Insurance Act”. Il-pjan tal-Gvern Laburista għall-Integration ifalli u l-Partit imur għall-Indipendenza.

    30 ta’ Diċembru, 1957: Fl-Assemblea Leġiżlattiva, Il-Prim Ministru Dom Mintoff iressaq il-“Break with Britain Resolution” li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni jivvota favuriha. Dan wara li l-Ingliżi riedu jissensjaw in-nies mingħajr ma jipprovdulhom impjiegi alternattivi.

    28 ta’ April, 1958: Wara r-riżenja tal-gvern Laburista fil-ġlieda kontra l-intransiġenza tal-ħakkiema kolonjali u l-aġir aġġressiv tagħhom, il-GWU torganizza strajk ta’ protesta nazzjonali. Isiru skontri bejn il-partitarji Laburisti u l-pulizija. Wara, diversi Laburisti jingħataw pieni ta’ ħabs, fosthom l-eks-Ministri Agatha Barbara u Bertu Hyżler.

    19 ta’ Novembru, 1958: Dom Mintoff u delegazzjoni tal-Partit Laburista jmorru Londra bil-għan tal-Partit ikun li “jikseb l-indipendenza politika minn mal-Ingilterra”.

    9 ta’ Jannar, 1959: Fi żmien meta l-ħakkiema kolonjali kienu qed jagħmlu minn kollox biex ikissru lill-Partit Laburista, b’sentenza tal-Qorti l-ġurnal “Is-Sebħ” jiġi miżmum milli joħroġ għal xahrejn filwaqt li l-editur, Joseph Micallef Stafraċe, jeħel erbat ijiem ħabs u ħamsa u tletin lira multa. Dan għax intqal li maqdar lill-Gvernatur Ingliż.

    8 ta’ April, 1961: Fl-eqqel tat-tieni Kwistjoni Politiko-Reliġjuża, jingħata l-Interdett lill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.

    22 ta’ Settembru, 1961: Imut id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, is-Sur Ġużè Ellul Mercer. Jindifen f’parti mhix ikkonsagrata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, magħrufa bħala l-“Miżbla”. B’kollox ikunu sebgħa l-Laburisti li jindifnu fiha (f’din l-ordni): Ġorġ Gravina, Ġużè Ellul Mercer, Toni Żahra, Karmenu Ċini, Amletu Spiteri, Toninu Caligari, u Liża Żammit.

    17-19 ta’ Frar, 1962: Wara l-għoti ta’ kostituzzjoni ġdida, issir l-elezzjoni ġenerali ta’ “Frar l-Iswed”. Il-Partit Laburista jkollu jikkontesta taħt sanzjonijiet reliġjużi u diskriminazzjoni totali fil-konfront tiegħu. Minkejja li jitlef, xorta waħda jikseb riżultat sodisfaċenti.

    19 ta’ Novembru, 1962: Il-Ġeneral Workers’ Union tibda toħroġ il-ġurnal “L-Orizzont”.

    L-1 ta’ Settembru, 1963: Dom Mintoff, il-Mexxej Laburista, jinawgura l-Freedom Press fil-Marsa. Fi żmien il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-snin sittin, il-ġurnali tal-Partit Laburista jaqgħu taħt sanzjonijiet reliġjużi.

    21 ta’ Settembru, 1964: Malta ssir indipendenti.  Il-Partit Laburista ħadem qatigħ għall-kisba tal-indipendenza iżda ried li Malta ssir Repubblika u mhux tibqa’ r-Reġina Eliżabetta II bħala Kap tal-Istat.

    26-28 ta’ Marzu, 1966: Issir elezzjoni ġenerali oħra taħt is-sanzjonijiet reliġjużi kontra l-Partit Laburista li joħroġ tellief.

    12 ta’ Marzu, 1969: Il-Ministru Nazzjonalista Ċensu Tabone iressaq Abbozz ta’ Liġi li jillimita d-dritt tal-istrajk u bi klawsola li tipprovdi biex mexxejja ta’ unjins jistgħu jeħlu sa tliet xhur ħabs. Bil-ħidma tal-Partit Laburista u l-General Workers’ Union, partikolarment Dr Karmenu Mifsud Bonniċi, l-Abbozz jiġi rtirat.

    4 ta’ April, 1969: Il-Partit Laburista u l-Knisja Kattolika f’Malta jiffirmaw ftehim ta’ rikonċiljazzjoni bejniethom.

    12-14 ta’ Ġunju, 1971: L-Elezzjoni Ġenerali tintrebaħ mill-Partit Laburista. Il-Perit Dom Mintoff jilħaq Prim Ministru.

    4 ta’ Ottubru, 1971: Titneħħa l-piena kapitali ħlief f’ċerti każijiet marbuta mal-Forzi Armati u f’każijiet ta’ tradiment fi żmien ta’ gwerra. Fl-2002, dawn ukoll jitneħħew u l-piena kapitali tintemm għal kollox.

    27 ta’ Marzu, 1972: Jintlaħaq ftehim vantaġġjuż ħafna għal Malta bejn il-Gvern Laburista u l-Gvern Ingliż dwar l-użu tal-faċilitajiet militari f’Malta.

    31 ta’ Marzu, 1972: Il-Prim Ministru Laburista, Dom Mintoff, iżur iċ-Ċina. Huwa l-ewwel Prim Ministru mill-Ewropa tal-punent li jżur dan il-pajjiż.

    8 ta’ Jannar, 1973: Radju Malta jibda jxandar.

    29 ta’ Jannar, 1973: L-omosesswalità ma tibqax reat kriminali.

    31 ta’ Mejju, 1973: Tnejn min-nies minn Birkirkara jintbagħtu sittin ġurnata ħabs u jeħlu mitt lira kull wieħed talli ppruvaw (mingħajr suċċess) jixtru lid-Deputat Għawdxi, Anġlu Camilleri u hekk iwaqqgħu l-Gvern Laburista li kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed.

    21 ta’ Marzu, 1974: Jiġi stabbilit il-Bank of Valletta p.l.c. L-għada jħabbar dan il-Prim Ministru Dom Mintoff.

    31 ta’ Marzu, 1974: Tiġi inawgurata l-linja tal-ajru ta’ Malta, l-“Air Malta”.

    13 ta’ Diċembru, 1974: Malta ssir Repubblika b’Sir Anthony Mamo bħala l-ewwel President. Jidħol il-vot ta’ tmintax-il sena.

    L-1 ta’ Awwissu, 1975: Jiġi ffirmat l-Att Finali ta’ Helsinki tas-CSCE.  F’dikjarazzjoni fi tmiem is-summit, is-sigurtà tal-Ewropa tintrabat mas-sigurtà fil-Mediterran. Dan isir bl-insistenza tal-Prim Ministru Dom Mintoff li jargumenta li l-istabilità fl-Ewropa hija impossibbli mingħajr il-paċi u l-istabilità fil-Mediterran.

    12 ta’ Awwissu, 1975: Jidħol iż-żwieġ ċivili f’Malta.

    29 ta’ Lulju, 1976: L-Att Numru XXX Dwar Ir-Relazzjonijiet Industrijali jirrikonoxxi d-dritt tal-istrajk.

    17-18 ta’ Settembru, 1976: Il-Partit Laburista jibqa’ fil-poter b’rebħa fl-elezzjoni ġenerali.

    L-1 ta’ Ottubru, 1977: Leġiżlazzjoni ġdida twaqqaf l-Enemalta biex topera fil-qasam tal-enerġija u tiżviluppah.

    28 ta’ Diċembru, 1977: Fi żmien il-kwistjoni tat-tobba, iż-żgħażugħa Karin Grech tinqatel b’ittra-bomba.

    L-1 ta’ Awwissu, 1978: Titwaqqaf l-Università l-Ġdida u magħha l-Fakultà tal-Edukazzjoni.

    31 ta’ Marzu, 1979: Jum il-Ħelsien. Tingħalaq il-bażi militari Ingliża.

    L-1 ta’ April, 1979: Tiddaħħal fi tliet fażijiet l-Iskema Nazzjonali tas-Saħħa biex is-servizzi tas-saħħa jkunu b’xejn għal kulħadd.

    6 ta’ Diċembru, 1981: Issir l-ewwel logħba futbol uffiċjali tal-MFA fil-grawnd il-ġdid f’Ta’Qali, bejn Żurrieq u Senglea Athletic (2-1). B’hekk, il-Gvern Laburista jaqta’ x-xewqa tad-dilettanti tal-futbol li għal ħafna snin ħolmu li Malta jkollha grawnd tal-futbol bil-ħaxix.

    12 ta’ Diċembru, 1981: Il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali billi jikseb aktar siġġijiet mill-Partit Nazzjonalista li min-naħa tiegħu jġib aktar voti. Riżultat “pervers” li jwassal għal inkwiet politiku kbir.

    16 ta’ Frar, 1982: Is-Sinjorina Agatha Barbara ssir l-ewwel President mara tar-Repubblika ta’ Malta.

    L-1 ta’ Jannar, 1983: Malta tiġi maħtura membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.

    22 ta’ Diċembru, 1984: Karmenu Mifsud Bonniċi jilħaq Prim Ministru ta’ Malta.

    27 ta’ April, 1985: F’Ruma jiġi ffirmat il-ftehim bejn il-Gvern Laburista u s-Santa Sede biex b’hekk wara l-kriżi tal-1984, l-edukazzjoni f’Malta ssir b’xejn għal kulħadd, inklużi l-istudenti tal-iskejjel tal-knisja.

    L-1 ta’ Jannar, 1987: Att Dwar Is-Sigurtà Soċjali biex jistabbilixxi  skema  ta’  sigurtà  soċjali  u  biex  jikkonsolida,  flimkien  ma’  emendi,  id-dispożizzjonijiet  li  jeżistu  dwar  il-ħlas  ta’  benefiċċji  dwar  sigurtà soċjali, pensjonijiet u allowances, assistenza soċjali u medika, pensjonijiet li ma ssirx kontribuzzjoni għalihom, u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni dwar sigurtà soċjali minn impjegati, minn min iħaddem, minn min jaħdem għal rasu u mill-Istat.

    27 ta’ Jannar, 1987: Il-Parlament japprova tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Malta tkun pajjiż newtrali u b’politika ta’ non-alinjament, u jigverna l-partit politiku li jġib aktar minn 50% tal-voti validi fl-elezzjoni ġenerali.

    9 ta’ Mejju, 1987: Il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni ġenerali u jispiċċa mill-poter. Matul kważi sittax-il sena fil-gvern, bena l-Welfare State f’Malta, iddiversifika u żviluppa l-ekonomija biex Malta tikseb l-indipendenza ekonomika, u aċċerta li l-Maltin ikollhom rajhom f’idejhom.

    19 ta’ April, 1988: Titwaqqaf l-Għaqda Veterani Laburisti.

    25 ta’ Lulju, 1993: Joħroġ għall-ewwel darba l-ġurnal ippubblikat mill-Partit Laburista bl-isem ta’ “Kullħadd”.

    25 ta’ Frar, 1994: Super One Television jingħata l-liċenzja biex jibda jxandar.

    28 ta’ Mejju, 1995: Il-Mexxej Laburista, Dr Alfred Sant, jinawgura ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

    26 ta’ Ottubru, 1996: Il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali. Dr Alfred Sant jilħaq Prim Ministru. Dr Myriam Spiteri Debono ssir l-ewwel Speaker mara tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

    15-16 ta’ April, 1997: Titlaqqa’ f’Malta s-Second Euro-Mediterranean Ministerial Conference. Jattendu l-Mexxej Palestinjan Yasser Arafat u d-Deputat Prim Ministru tal-Iżrael, David Levy.

    3 ta’ Frar, 1998: Permezz tal-Att Numru 2, il-Gvern Laburista jagħti spinta lill-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi.

    5 ta’ Settembru, 1998: Wara nuqqas ta’ qbil bejn il-Prim Ministru, Dr Alfred Sant, u d-Deputat Laburista u eks-Mexxej, il-Perit Dom Mintoff, isir elezzjoni ġenerali li tintilef mill-Partit Laburista.

    10 ta’ Frar, 1999: Permezz tal-Arċisqof Ġużeppi Merċieca, il-Knisja Kattolika tagħmel apoloġija pubblika għal dak li seħħ fi żmien il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-snin sittin.

    12 ta’ April, 2003: Issir elezzjoni ġenerali u jiġi deċiż ukoll jekk Malta tagħżilx relazzjoni ta’ partnership mal-Unjoni Ewropea inkella sħubija sħiħa. Il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni u għalhekk Malta tmur għall-għażla ta’ sħubija sħiħa kif ried il-Partit Nazzjonalista.

    L-1 ta’ Mejju, 2004: Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea.

    6 ta’ Ġunju, 2008: Dr Joseph Muscat jilħaq Mexxej tal-Partit Laburista. Jibda jinbena Moviment tal-progressivi u l-moderati li jwassal għal ġenerazzjoni rebbieħa.

    20 ta’ Awwissu, 2012: Imut il-Perit Dom Mintoff, Prim Ministru Laburista ta’ Malta bejn l-1955 u l-1958 u bejn l-1971 u l-1984. Mexxej ukoll tal-Partit Laburista bejn l-1949 u l-1984.

    9 ta’ Marzu, 2013: Issir elezzjoni ġenerali u jirbaħ il-Partit Laburista. Dr Joseph Muscat jilħaq Prim Ministru. Il-Partit  Laburista  jikseb  rebħa  kbira  meta  jġib  54.83%  tal-voti.

    8 ta’ Marzu, 2014: Issir riforma fi ħdan is-sezzjoni tan-nisa tal-Partit Laburista u titwaqqaf “Nisa Laburisti”.

    L-1 ta’ April, 2014: Jiġi introdott iċ-Childcare b’xejn. B’hekk, ħafna nisa jistgħu jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

    14 ta’ April, 2014: Att Dwar L-Unjonijiet Ċivili, wieħed minn diversi miżuri li jdaħħal il-Gvern Laburista favur il-komunità LGBTIQ.

    31 ta’ Awwissu, 2016: Il-ġurnal “Times of Malta” jikkwota ċifri ta’ Eurostat li juru li taħt Gvern Laburista, Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri 3.9%.

    24 ta’ April, 2017: L-aħħar impjant tal-enerġija li jaħdem bil-heavy fuel oil, id-Delimara 1 plant, jintefa’ u jitpoġġa fuq “cold standby”. Fl-istess ġurnata, Electrogas Malta tinawgura id-Delimara 4 gas-fired CCGT plant, l-LNG Supply u l-faċilitajiet ta’ regasification.

    3 ta’ Ġunju, 2017: Minħabba dik li wara nstabet li kienet gidba sfaċċata, jiġifieri l-kwistjoni tal-Egrant, tissejjaħ elezzjoni ġenerali li tirriżulta f’rebħa kbira oħra Laburista taħt it-tmexxija ta’ Dr Joseph Muscat. Il-Partit Laburista jikseb 55.04%  tal-voti.

    30 ta’ Ġunju, 2017: Malta ttemm b’suċċess il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

    5 ta’ Diċembru, 2017: Is-Sinjura Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru Laburista, tingħata l-premju “Voluntier Nazzjonali tas-Sena” mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Hija tiġi onorata wkoll minn “Celebrating Women International” għax-xogħol tagħha fil-politika u l-filantropija.

    25 ta’ Mejju, 2019: Il-Partit Laburista jirbaħ l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew b’54.29% tal-voti. Jirbaħ ukoll l-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali b’57.96% tal-voti. Riżultati storiċi.

    14 ta’ Ottubru, 2019: Il-Gvern Laburista jippreżenta baġit mimli miżuri soċjali kif ukoll b’aċċenn fuq l-ambjent. Tispikka ż-żieda ta’ 7 Euro fil-ġimgħa li tingħata lill-pensjonanti.

    2 ta’ Novembru, 2019: L-Arċisqof Charles Scicluna jitlob maħfra għal dak li sar lil-Laburisti li, fi żmien il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-snin sittin, indifnu f’art mhix ikkonsagrata fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, magħrufa bħala l-“Miżbla”.

    11 ta’ Jannar, 2020: Issir l-elezzjoni għal Mexxej ġdid tal-Partit Laburista. Jirbaħ Dr Robert Abela li b’hekk isir ukoll Prim Ministru ta’ Malta.

    15 ta’ Ottubru, 2020: Il-Partit Laburista jagħlaq mitt sena mit-twaqqif tiegħu, mitt sena li matulhom ħadem bla heda għall-progress u l-prosperità ta’ Malta u l-Maltin.