Blog dwar l-iskart fost l-istudenti tal-iskola St Patrick’s

Ġie imniedi proġett pilota dwar l-introduzzjoni ta’ blog tal-istess Ministeru fejn l-istudenti kollha tal-iskola St Patrick’s jistgħu jgħidu tagħhom dwar l-iskart.
Il-Ministru Leo Brincat qal li din l-inizjattiva, li kienet ġiet issuġġerita minn studenti fl-iskejjel u hija maħsuba biex tqajjem kuxjenza akbar dwar l-iskart u l-immaniġġjar fost l-istudenti.
L-iskop ewlieni tal-blog f’dan il-proġett pilota li ser ikun fuq is-sit elettroniku tal-istess Ministeru, huwa biex ikun jista jinstemgħa aħjar leħen l-istudenti.
Dan billi jkunu jistgħu jressqu l-quddiem b’mod elettroniku s-suġġerimenti tagħhom relatati mal-qasam tal-iskart.
Il-Ministru Brincat qal li l-proġett huwa pilota għaliex filwaqt li jagħti aktar lok u spazju lit-tfal tal-iskejjel biex iressqu s-suġġerimenti jrid jinżamm bilanċ xieraq ma’dak kollu mitlub u meħtieġ mill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data.
Fix-xhur li ġejjin il-Ministeru se jevalwa l-andament tal-proġett pilota bil-ħsieb li jinfirex fi skejjel oħra.

Ritratt: DOI – Martin Attard