Blatter taħt investigazzjoni fl-Istati Uniti

Sepp Blatter, li lbieraħ filgħaxija ħabbar li se jirriżenja jiem biss wara li ġie elett President tal-FIFA għall-ħames darba, jinsab taħt investigazzjoni fl-Istati Uniti, inkluż mill-FBI, b’rabta mal-iskandlu tal-korruzzjoni fil-futbol.
Id-dikjarazzjoni ta’ riżenja ta’ Blatter ġiet biss ftit sigħat wara li aġenzija tal-aħbarijiet fir-Renju Unit żvelat korrispondenza bejn l-assoċjazzjoni tal-futbol fl-Afrika t’Isfel u l-Kap Eżekuttiv tal-FIFA, dwar it-trasferiment ta’ $10 miljun bejn l-istess assoċjazzjoni u l-FIFA.
Il-federazzjoni internazzjonali tal-futbol kienet għadha kemm ċaħdet l-involviment tal-Kap Eżekuttiv tagħha Jérôme Valcke, u nsistiet li ma kellux x’jaqsam mal-allegat ħlas ta’ flus minn taħt biex l-Afrika t’Isfel tintagħżel biex tospita t-Tazza tad-Dinja fl-2010. Imma l-aħbar maħruġa dritt wara mill-aġenzija tal-aħbarijiet kixfet li l-id il-leminija ta’ Blatter kien, mill-inqas, infurmat b’dawn il-ħlasijiet minn taħt.
Meta Sepp Blatter ġie elett għall-ħames mandat tiegħu fi tmiem il-ġimgħa, minkejja pressjoni internazzjonali biex jirriżenja mill-kariga jiem qabel l-elezzjoni, kien ikkundanna dik li sejjaħ “kampanja ta’ mibgħeda mill-Ewropa”.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-FIFA ġiet imriegħda minn skandlu enormi, u ġew arrestati mill-inqas 14-il persuna, nofshom uffiċjali fi ħdan il-federazzjoni, akkużati b’korruzzjoni fil-futbol.
F’inqas minn ġimgħa, il-FIFA għaddiet minn terremot. Ħareġ l-iskandlu u l-arresti, pressjoni fuq Blatter biex jirriżenja imma ma riedx, iffaċċja xorta lill-avversarju tiegħu u rebaħlu b’mod qawwi, sponsors tat-Tazza tad-Dinja ddikjaraw li kienu qed jaħsbuha darbtejn jekk jiffinanzjawhiex, ir-riżenja ta’ Blatter, l-aħbar li qed jiġi investigat, u fl-aħħar ħin, l-ikbar tliet sponsors – VISA, Coca-Cola u McDonald’s – jiddikjaraw li jilqgħu r-riżenja tal-President.