Blackberry tkeċċi 4,500 ħaddiem

Blackberry se jkeċċu madwar 4,500 ħaddiem jew aktar minn 40% tal-ħaddiema hekk kif ittieħdet id-deċiżjoni li din il-kumpanija tirtira mis-suq tal-konsumatur fil-qasam tat-telefon ċellulari.

Id-deċiżjoni ttieħdet ukoll fid-dawl li Blackberry irreġistraw madwar $1 biljun f'telf fit-tieni kwart tas-sena.

Dan it-telf kollu ġie rreġistrat minħabba n-nuqqas ta' bejgħ tal-ismartphone il-ġdid Z10.

Dan huwa l-ewwel smartphone ta' Blackberry bis-sistema operattiva l-ġdida 10 OS.

L-istatistika tindika li bejn April u Ġunju, Blackberry kienet qed tbiegħ ftit mudelli mill-ismartphones il-ġodda u minflok il-konsumaturi kienu għadhom qed jippreferu is-sistema l-antika 7 OS.

B'kollox matul dan il-perjodu inbiegħu 3.7 miljun smartphone manifatturati minn Blackberry.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Blackberry qal li din id-deċiżjoni kienet waħda diffiċli iżda meħtieġa, biex issa l-kumpanija se tiffoka fuq settur ieħor.

Huwa mistenni li jonqsu wkoll il-mudelli ta' smartphone minn sitta għal erbgħa.