Black Friday: Mingħalik iffrankajt iżda x’aktarx li nfaqt iżjed

Black Friday ta’ din is-sena jidher li ra iżjed negozji jipparteċipaw u aktar klijenti li ddeċidew li jieħdu l-opportunità mir-roħs offrut, anke biex jixtru r-rigali tal-Milied.
Iżda, jista’ jagħti l-kas li mingħalik iffrankajt, iżda fil-verità spiċċajt tonfoq iżjed.
Fi stħarriġ li għamlet il-Kamra Maltija tal-Intrapriżi ż-Żgħar, il-GRTU, fost in-negozji li ħadu sehem u anke dawk li ma ħadux, uħud minn dawk li wieġbu qalu li jista’ jagħti l-każ li meta wieħed jikkunsidra kollox, il-klijenti jispiċċaw jonfqu iżjed.
L-istħarriġ isemmi kif ħafna klijenti, huma u jduru l-ħwienet biex jixtru n-neċċessitajiet tagħhom, jispiċċaw jitħajru mill-offerti u r-roħs u jixtru affarijiet li kieku ma kinux jixtru.
Kien hemm ukoll sidien ta’ negozji li spjegaw kif il-Black Friday qed jindika bidla fil-konsum, għax waqt li jmorru tajjeb f’dak il-jum, jew dak tmiem il-ġimgħa, jispiċċaw inaqqsu fil-bejgħ fil-ġranet ta’ qabel u ta’ wara u li dan qed iħalli effett negattiv fuq il-kummerċ fi żmien il-Milied.
It-traffiku daħħal denbu wkoll f’dan l-istħarriġ hekk kif uħud minn dawk li ħadu sehem semmew kif it-traffiku żdied u diversi klijenti lmentaw li damu ħafna milli kienu qed jippjanaw biex jaslu fejn kellhom jaslu.
Negozji oħra qalu wkoll li l-ammont ta’ ħaddiema li għandhom ma setgħux ilaħħqu mal-kwantità ta’ klijenti.
L-istħarriġ sab li żdiedu mhux ħażin dawk in-negozji li ħadu sehem fil-Black Friday b’uħud minnhom jestendu l-offerti tagħhom mill-Ġimgħa sal-Ħadd.
35% ta’ dawk li ħadu sehem qalu li kienet l-ewwel darba tagħhom.
46% qalu li d-dħul li għamlu dakinhar kien prattikament l-istess li għamlu s-sena li għaddiet iżda kważi l-istess ammont (45%) qalu li marru aħjar mis-sena li għaddiet, b’9% tan-negozji jgħidu li marru “ħafna aħjar.”
Il-GRTU tinnota wkoll li żdiedu s-setturi li ħadu sehem fil-Black Friday. Fil-fatt għalkemm ħwienet tal-ħwejjeġ u l-aċċessorji baqgħu l-aktar popolari, negozji oħra kienu jinkludu supermarkets u oħrajn fis-setturi tas-sajd, tat-turiżmu u anke tal-isports.
Meta ġew mistoqsija jqabblu l-qligħ li għamlu tul Black Friday ma' ġurnata normali oħra, in-negozji kollha qalu li daħlu aktar.
50% minhhom qalu li rreġistraw żieda ta’ 30% fid-dħul.

Ritratt: Ian Noel Pace