Black Friday għandha ddum 3 ijiem – Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li din is-sena, minflok Black Friday, isir Black Weekend, jiġifieri jkun hemm tlett ijiem sħaħ ta’ skontijiet u offerti fil-ħwienet.

Din il-proposta saret mill-Grupp Ekonomiku ta’ Importaturi, tal-Ħwienet u Distributuri (IDREG) fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ sabiex jiġi evitat li jkun hemm ġemgħat kbar ta’ nies f’ġurnata waħda biss. Jekk l-offerti jitqassmu fuq tlett ijiem, in-nies li jattendu jitqassmu aħjar u ma jkunx hemm folol, b’hekk jonqos ir-riskju ta’ tifrix tal-coronavirus.

Għalhekk, il-Kamra tal-Kummerċ qed tissuġġerixxi li dan il-Black Weekend isir bejn is-26 u d-29 ta’ Novembru.

Appuntament annwali għax-xerrejja
10 pariri dwar ix-xiri fil-Black Friday

Meta ddiskutiet din il-proposta ma’ diversi ħwienet, il-Kamra tal-Kummerċ sabet rispons pożittiv mingħandhom. In-negozji huma inkoraġġiti wkoll imexxu n-negozji tagħhom online, bl-istess offerti offruti online wkoll.

Il-Kap tal-Bord Eżekuttiv ta’ IDREG, Marcel K. Mifsud, qal li filwaqt li tajjeb li Black Friday tkun ta’ suċċess kummerċjali għan-negozji, importanti li tkun esperjenza sigura għal kulħadd.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet ukoll li l-proċeduri ta’ mitigazzjoni li ilhom fis-seħħ għal dawn l-aħħar xhur, għandhom jibqgħu applikaw.

Dwar Black Friday
5 fatti dwar Black Friday