“L-iżolament soċjali għall-anzjani jista’ jtul sa Diċembru” – Von der Leyen

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen stqarret li l-miżuri ta’ iżolament tal-coronavirus jistgħu jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar ta’ Diċembru għall-anzjani.

L-anzjani jista’ jkun li jkollhom jibqgħu jgħixu f’iżolament sal-aħħar tas-sena sabiex dawn ikunu protetti kontra l-coronavirus, qalet il-kap tal-UE Ursula von der Leyen nhar il-Ħadd. 

Bosta pajjiżi fl-Ewropa ilhom ġimgħat fi stat ta’ lockdown fi sforz biex jippruvaw iwaqqfu l-firxa tal-virus.

“Mingħajr vaċċin se jkollna nibqgħu nillimitaw kemm jista’ jkun il-kuntatt mal-anzjani tagħna,” hija qalet lill-gazzetta ta’ kuljum Bild.

“Naf li din hija ħaġa diffiċli u li l-iżolament huwa piż, imma din hija kwistjoni ta’ ħajja jew mewt; irridu nibqgħu dixxiplinati u naġixxu b’kawtela,” kompliet tgħid.

“Tfal u persuni żgħażagħ se jgawdu aktar libertà ta’ moviment mill-anzjani u minn dawk li diġà għandhom xi kundizzjoni medika eżistenti,” qalet von der Leyen.

Is-Sinjura von der Leyen qalet li tispera bis-sħiħ li xi laboratorju Ewropew jirnexxilu jiżviluppa vaċċin lejn l-aħħar tas-sena.

Biex ikun żgurat li n-nies jiġu vaċċinati malajr, l-awtoritajiet kienu f’diskussjonijiet ma’ produtturi sabiex dawn iħejju ruħhom għal produzzjoni globali, temmet tgħid.