​Bla tweġiba għaliex ma tneħħitx illegalità f’One TV

Il-Ministru għall-Ippjanar Ian Borg ma weġibx mistoqsija parlamentari għaliex ma ttieħdet ebda azzjoni diretta mill-Awtorità tal-Ippjanar biex titneħħa illegalità fil-parkeġġ ta’ One TV fil-Marsa.
Il-mistoqsija saret mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina b’referenza għall-azzjoni ta’ infurzar EC/00340/13 li tmur lura għal 2013. Staqsa għaliex l-Awtorità tal-Ippjanar naqset milli tieħu azzjoni diretta biex titneħħa struttura tal-ħadid u electronic billboard li jinsabu installati quddiem kumpless.
Fi tweġiba mogħtija ilbieraħ filgħaxija, sebat ijiem wara li saret il-mistoqsija, l-Ministru Borg ma weġibx il-mistoqsija, iżda qal sempliċiment li "l-informazzjoni għadha qed tinġabar”.
Tiftixa fuq is-sit tal-istess Awtorità turi li l-każ jinsab pendenti quddiem l-Uffiċjal ta’ Infurzar tal-istess Awtorità. Skont l-istess sit, l-istruttura illegali ġiet installata fil-parkeġġ tal-istazzjon tal-Partit Laburista “mingħajr permess”.

Ritratt: Meħud minn Google Street View