“Bla sens tappella għar-responsabbiltà jekk tħalli eluf jiltaqgħu f’massa u jiskru” – Tobba

Aġġornat 09:49 PM

Read in English.

L-Assoċċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) sostniet illi huwa bla sens li wieħed jitlob lill-pubbliku jkun responsabbli waqt li jiltaqa’ fi gruppi kbar b’eluf ta’ persuni u jkun hemm lok fejn jisker.

Dan qalitu fi stqarrija b’reazzjoni għal żewġ avvenimenti tal-massa li wasslu biex Malta tara l-akbar numru ta’ każi ġodda f’ġurnata fl-aħħar ġimgħat. Propju lbieraħ, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li fil-pajjiż, matul il-jum tas-Sibt, instabu 14-il każ ġdid ta’ coronavirus. Il-maġġoranza tagħhom kienu relatati mal-avveniment Hotel Takeover li sar bejn is-17 u d-19 ta’ Lulju fil-lukanda Radisson.

Il-MAM appellat lill-gvern biex iwaqqaf b’effett immedjat l-avvenimenti tal-massa. Sostniet li qed tibża’ li l-agħar effetti ta’ dawn l-avvenimenti għadhom ma ħarġux. Insistiet li jekk il-gvern ma jerġax jieħu l-miżuri neċessarji biex jissalvagwardja l-poplu, mela se tkun qed toħroġ direttivi sabiex tipproteġi lill-membri tagħha u l-familji tagħhom.

L-istqarrija ta’ dalgħodu tara lill-assoċċjazzjoni tgħid li wieħed kien qed jistenna li meta jinfetaħ l-ajruport għal pajjiżi b’riskju għoli u jinkoraġġixxi l-avvenimenti tal-massa, kien qed jiskatta bomba li minn ħin għall-ieħor se tisplodi. Sostniet li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq evidenza xjentifika u sana u mhux fuq konsiderazzjonijiet populistiċi. Spjegat kif s’issa, l-aġenziji tal-ivvjaġġar mhux qed ikopru spejjeż mediċi kkawżati minn infezzjonijiet tal-coronavirus.

Il-MAM ikkundannat bla riżerva l-eżempju ħażin li ngħata mill-uffiċċju tal-Prim Ministru li organizza kunċert mingħajr miżuri ta’ distanza soċjali li kienu rrakkomandati mis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika. Il-MAM ikkundannat ukoll lill-Ministeru għat-Turiżmu talli qed jaħdem barra mill-pajjiż biex jatratta parties tal-massa b’eluf ta’ persuni barranin wara li dawn ma tħallewx isiru f’pajjiżi oħrajn.

L-assoċjazzjoni insistiet li s’issa, l-ebda pajjiż Ewropew ieħor ma tħalla jibda jorganizza avvenimenti tal-massa. Qalet li saħansitra hawn pajjiżi li qed jikkunsidraw kontrolli aktar stretti fuq l-ivvjaġġar, inkluż screening u kwarantina qabel u wara ma xi ħadd isiefer.

Filwaqt li qalet li tifhem li dawk kollha impjegati mill-industrija tat-turiżmu għandhom bżonn jingħataw is-sapport, insistiet li l-logħob tal-azzard mas-saħħa tal-poplu Malti mhux aċċettabbli, partikolarment meta jidher li vaċċin effettiv se jkun disponibbli f’biss ftit xhur oħrajn.

“L-idea ta’ mexxejja politiċi li jgħidu lill-poplu Malti li l-COVID issa għadda u li jistgħu jagħmlu li jridu mingħajr konsegwenzi mhux aċċettabbli għall-professjoni medika,” insistiet l-assoċjazzjoni. Qalet ukoll li l-organizzaturi u l-politiċi għandhom jirrealizzaw li huma stess se jispiċċaw personalment responsabbli kemm legalment kif ukoll finanzjarjament jekk xi ħadd jimrad jew imut kawża tal-marda.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt lbieraħ filgħodu qalu li xi każi jistgħu possibilment joħorġu minn festa f’Ghawdex hekk kif ghadd ta’ persuni li attendew il-marċ kienu qed jiġu mħeġġa jmorru jaghmlu t-test. Aktar tard il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kiteb fuq Facebook li l-ebda minn dawn il-każijiet il-ġodda ma kien marbut mal-marċ ta’ San Ġorġ f’Għawdex, u li l-ebda każ ma kien f’Għawdex.

“Ikkunsidraw mill-ġdid x’avvenimenti għandhom ikunu permessi” – Kamra tal-Ispiżjara

Il-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta appellat lill-Prim Ministru, lill-Ministru għas-Saħħa u lis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika sabiex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni preżenti dwar l-avvenimenti tal-massa, b’mod speċjali dawk li mhux faċli li wieħed jassigura salvagwardji effettivi bħad-distanza soċjali, sanitisation u l-ilbies ta’ maskri u visors.

Il-Kamra qalet li taqsam id-dikjarazzjonijiet ta’ tħassib tal-għaqdiet xjentifiċi u professjonali u istituzzjonijiet oħrajn li qed jinsistu li wieħed għandu jsegwi x-xjenza fid-deċiżjonijiet. Insistiet li wieħed ma jistax jitkellem dwar ‘post-covid’ meta l-coronavirus għadu realtà kurrenti u għad m’hawnx aċċess għall-vaċċin.

The Kamra tal-Ispizjara ta' Malta calls on the Prime Minister, Deputy PM and Minister for Health and the Superintendent…

Posted by Kamra tal-Ispiżjara ta' Malta on Monday, July 27, 2020

L-Assoċjazzjoni għad-Dijabete mħassba dwar persuni b’kundizzjonijiet kroniċi

L-Assoċjazzjoni Maltija għad-Dijabete appellat lill-pubbliku sabiex ikun viġilanti, partikolarment hekk kif il-coronavirus għadu realtà fil-pajjiż u kien hemm żieda ta’ każi fl-aħħar jiem. Qalet li tinsab imħassba dwar kif l-irresponsabbiltà tal-ftit tista’ twassal għal perikli kbar għal persuni li għandhom kundizzjonijiet kroniċi u b’hekk huma vulnerabbli.

Hi appellat lill-awtoritajiet sabiex iwaqqfu l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-massa. Dan hekk kif f’dawn l-avvenimenti jkun hemm diversi persuni li ma josservawx il-miżuri tad-distanza soċjali u lanqas ma jilbsu maskri jew visors. “L-awtoritajiet tas-saħħa għamlu ħafna xogħol biex jiġġieldu l-COVID-19 imma f’dan l-istadju ma nistgħux nirriskjaw is-saħħa pubblika ġenerali,” temmet tgħid l-Assoċjazzjoni.

Il-PN jappella biex jibqgħu jiġu osservati r-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-poplu Malti għandu jibqa’ josserva r-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa sabiex ma jintilfx is-sagrifiċċju li sar fix-xhur li għaddew.

Il-kelliem għas-saħħa f’isem il-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li hemm bżonn li l-pajjiż jibqa’ viġilanti fid-dawl li l-każijiet irrapurtati tal-COVID-19 qegħdin jiżdiedu. Żied li diversi pajjiżi qegħdin javżaw bil-possibilità ta’ lockdown hekk kif partijiet mill-Ewropa qegħdin jippreparaw għal dik li tista’ tkun mewġa oħra tal-virus.

Il-PN żied li tkun irresponsabbilità min-naħa tal-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela jekk jibqa’ jinsisti li kollox ġie għan-normal meta l-pandemiija għadha fostna.

Diffiċli biex jiġu implimentati ċertu miżuri f’attivitajiet tal-massa – L-assoċċjazzjonijiet mediċi

Diversi assoċċjazzjonijiet mediċi qalu li huwa diffiċli li jinżammu ċerta miżuri ta’ distanza soċjali f’attivitajiet tal-massa u dan qiegħed ipoġġi f’riskju s-saġrifiċċji li saru fl-aħħar xhur tal-pandemija.

L-assoċċjazzjonijiet qalu li s’issa l-Gvern għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni dwar l-attivitajiet tal-massa minkejja li fl-aħħar jiem rajna żieda fin-numru ta’ każijiet pożittivi għall-coronavirus u minkejja d-diversi appelli li saru.

L-assoċċjazzjonijiet appellaw biex jibqgħu jittieħdu l-miżuri ta’ mitigazzjoni sabiex il-virus ma jibqax jinfirex.  Huma ngħaqdu mal-appell li għamlet il-MAM sabiex ma jitħallewx isiru attivitajiet tal-massa u tiġi prijoritizzata s-saħħa tal-poplu Malti.

M’aħniex kontra l-attivitajiet tal-massa jekk jittieħdu l-miżuri kollha – Il-kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li mhix kontra li jsiru attivitajiet tal-massa ladarba jittieħdu l-prekawzjonijiet kolllha sabiex tinżamm id-distanza soċjali u l-indafa waqt l-attività. Il-Kamra appellat biex l-organizzaturi u l-operaturi tal-attivitajiet tal-massa jibqgħu viġilanti u juru sens ta’ maturità u responsabilità.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li jekk dawn l-operaturi ma jimxux mal-miżuri meħtieġa l-attivitajiet għandhom jitħassru. Huma appellaw biex ikun hemm iktar komunikazzjoni u kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa u l-organizzaturi sabiex ma jkunx hemm riskju żejjed għas-saħħa u l-ekonomija tal-pajjiż. Żiedet li l-attivitajiet tal-massa għandhom jitħallew isiru ladarba jkun hemm qbil dwar kif għandhom isiru dawn l-attivitajiet bejn l-awtoritajiet tas-saħħa u l-organizzaturi sabiex ikun aċċertat li l-virus ikun ikkontrollat.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li tinsab b’taħditiet mal-operaturi u se tkun qiegħda tħabbar l-iżvilupp ta’ dawn it-taħditiet fil-jiem li ġejjin.