Bla saqaf fuq rasu, isib xogħol mit-triq

Raġel bla saqaf fuq rasu minn Kalifornja, l-Istati Uniti qed jagħżel minn mijiet ta’ offerti ta’ xogħol li qed jaslulu, jiem wara li qassam is-CV tiegħu mal-ġenb tal-highway.
Nhar il-Ġimgħa, David Casarez ta’ 26 sena, liebes pulit, żamm kartuna bil-kliem: “Bla dar. Bil-ġuħ għas-suċċess. Ħu s-CV tiegħi.”
Qal li ħass li kellu jagħmel xi ħaġa mhux tas-soltu biex jipprova jirnexxi.
Ir-raġel iggradwa mill-Università ta’ Texas fl-immaniġjar tas-sistemi ta’ informazzjoni. Ħadem bħala web developer ma’ General Motors f’Texas. Iżda meta mar Kalifornja, bit-tama li jibda kumpanija żgħira, tilef flusu kollha u biegħ il-karozza li kien qed jgħix fiha. Qal li kien qed jorqod f’park.
Iżda nhar il-Ġimgħa, xortih ħadet żvolta oħra meta mara li nzertat għaddejja, staqsietu setgħetx tippublika r-ritratt tiegħu onlajn.
Aċċetta u fuq Twitter kitbet: “Dalgħodu ltqajt ma’ dan iż-żagħżugħ bla saqaf fuq rasu, li minflok jittallab għall-flus beda jitlob in-nies jieħdu s-CV tiegħu biex isib xogħol. Jekk xi ħadd minn Silicone Valley, jista’ jgħinu, din tkun xi ħaġa tajba ħafna.”
It-tweet infirex malajr u Casarez irċieva mal-200 offerta ta’ xogħol, fosthom minn Google, Netflix u LinkedIn.
Ir-raġel qal li japprezza l-għajnuna kbira li rċieva onlajn u emfasizza li hu ma jridx flus imma opportunità li jaħdem.
Spjega li hu xtaq jieħu l-aħħar ċans biex jipprova jirnexxi u jekk ma jsibx impjieg, kien lest imur lura għand il-familja tiegħu.