“Bla pedamenti sodi fir-reliġjon tagħna, ma nistgħux niddjalogaw ma’ nies b’reliġjonijiet oħra” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li “ma nistgħux niddjalogaw ma’ dawk b’reliġjon differenti, jekk aħna ma jkollniex pedamenti sodi fir-reliġjon tagħna.”
Waqt il-programm Newsbook fuq RTK, l-Arċisqof ħeġġeġ lill-ġenituri biex jieħdu ħsieb il-katekeżi ta’ wliedhom, fost l-oħrajn billi jmorru l-quddies magħhom nhar ta’ Ħadd.
Mons. Scicluna appella wkoll għal dawk iż-żgħażagħ u l-ommijiet li jistgħu jagħtu ftit ħin biex ikunu katekisti fil-parroċċi. Ħeġġiġhom javviċinaw lill-kappillan u joffru ftit sigħat fil-ġimgħa. Spjega li dan bil-għan li l-ulied jingħataw katekeżi sabiħa u attwali.
Stqarr kif fl-aħħar jiem kien impressjonat bis-sens qawwi u tradizzjonali tal-ġenituri Maltin, li jixtiequ li wliedhom ikomplu jirċievu edukazzjoni kattolika.
Mons. Arċisqof żied jgħid li x-xewqa sabiħa ta’ ħafna ġenituri, “li nkunu nistgħu ngħixu fil-paċi ma’ xulxin, anke ma’ nies ta’ reliġjonijiet oħra, hija xhieda sabiħa tal-Evanġelju.”
L-Arċisqof sostna li din żgur tferraħ qalb il-Papa Franġisku, li kull meta jitkellem fuq id-dinja, jitlob għall-paċi.
Semma wkoll kif il-Papa jitlob għall-insara, biex minkejja d-dgħufija u l-beżgħat tagħna, inkomplu naħdmu għal kultura ta’ paċi, biex il-ġnus kollha, huma min huma u ta’ liema reliġjon huma, ikunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi.
Mons. Scicluna temm jgħid li wasal iż-żmien li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà, biex inkunu nafu niddjalogaw ma’ ħaddieħor, ngħixu ma’ ħaddieħor fis-sliem, mingħajr ibbulljar fl-iskejjel u mingħajr insulti fit-toroq u fuq l-internet.