Bla paga għax il-flus twaqqfu mill-bank

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li għexieren ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur fil-Wasteserv għadhom qed jistennew il-paga li suppost inħarġet nhar l-Erbgħa li għaddiet.
Ġurnata wara l-Għid, il-ħaddiema għadhom qed jistennew il-paga dovuta lilhom erbat ijiem qabel l-Għid.
Fi stqarrija, l-UĦM spjegat li minn komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati joħroġ li l-kuntrattur ikkonferma li t-trasferimenti saru kollha iżda jidher li min-naħa ta’ BNF Bank il-pagi nżammu u ma ngħatawx lill-ħaddiema.
Il-UĦM qal li l-Bank sostna li qed jimxi skont parir legali tal-avukati tiegħu u żamm il-bibien magħluqin għal ħamest ijiem.
Tispjega li l-impjegati “tħallew lampa stampa” filwaqt li qed isofru minn multi kuljum minħabba self ta’ flus u sitwazzjonijiet finanzjarji oħrajn.
L-Unjin qalet li tinsab f’kuntatt dirett mal-kuntrattur filwaqt li qed tagħmel pressjoni ma’ BNF Bank biex il-pagi dovuti jinħarġu mill-aktar fis possibli.