Filmat: “Bla kliem” – il-missier li ltaqa’ ma’ bintu ta’ sentejn għall-ewwel darba

Gnagbo Maxime Ani għadu ma jistax isib kliem biex jiddeskrivi l-ferħ li ħass meta wara sentejn ‘il bogħod minn familtu, ingħaqad għall-ewwel darba ma’ bintu Julie.
L-istorja ta’ Gnagbo Maxime u martu Ester bdiet f’April tal-2015, meta kienu kostretti jħallu l-Kosta tal-Ivorju minħabba l-persekuzzjoni politika u jaqsmu lejn l-Ewropa mil-Libja bit-tama li jibdew ħajja ġdida u aħjar.
Meta qabdu d-dgħajsa, fit-2 ta’ April tal-2015, Ester kienet waslet biex twelled.
“Ma kellna xejn aktar x’nitilfu, ħlief ħajjitna,” qal Gnagbo Maxime ma’ Newsbook.com.mt. “Dik kienet l-aħħar tama li kellna.”
Ftit jiem wara li ħallew il-Libja, Ester għalqilha ż-żmien biex twelled u kellha tittieħed b’ħelikopter minn fuq id-dgħajsa lejn Malta. Il-koppja rrakkontaw il-qsim ta’ qalb li ħassew meta ndunaw li kellhom jinfirdu minn xulxin. Gnagbo kellu jibqa’ fuq id-dgħajsa fi triqtu lejn l-Italja.
Minn dakinhar Gnagbo, li sadanittant wasal Franza u sab impjieg ma’ Aġenzija tal-Informatika, qatt aktar ma ra lil martu u lil bintu, ħlief ftit jiem ilu meta ġie Malta għax it-talba tiegħu għall-ażil ġiet aċċettata u għalhekk ġaladarba ngħata l-istatus ta’ refuġjat, seta’ jingħaqad lura ma’ familtu.
Monsinjur Alfred Vella, iċ-Ċermen tal-Kummissjoni Emigranti spjega li Ester u bintha fadlilhom l-aħħar ftit dokumenti biex ikunu jistgħu jħallu Malta lejn Franza, iżda Gnadbo ma felaħx jistenna aktar u niżel Malta għal ftit jiem biex jingħaqad magħhom.
Emozzjonat kull darba li jħares lejn Julie, Gnagbo Maxime qal li għadu ma jistax jiddeskrivi dak li ħass meta ra lil bintu għall-ewwel darba u issa qed iħares ‘il quddiem biex jibda paġna ġdida u ħajja stabbli fi Franza.
“L-aktar ħaġa sabiħa u importanti għall-Kummissjoni Emigranti hija li familja tingħaqad mill-ġdid,” qal Monsinjur Vella waqt li rringrazzja lil Monsinjur Philip Calleja li ħadem ħafna fuq dan il-każ.
Illum waranofsinhar Gnagbo Maxime se jirritorna lura Franza, u Ester u Julie jkunu jistgħu jingħaqdu miegħu kif joħorġu d-dokumenti. 
Monsinjur Alfred Vella rringrazzja wkoll benefattriċi Maltija li se tkun qed tħallas l-ispejjeż tal-passaġġi ta’ Ester u Julie.
L-istorja ta’ Gnagbo Maxime u Ester hija waħda fost il-ħafna stejjer li xi wħud minnhom ma jispiċċawx bit-tajjeb u li dwarhom il-Kummissjoni Emigranti tqajjem għarfien b’diversi attivitajiet li torganizza, fosthom Jum l-Emigranti li se jkun iċċelebrat fl-20 ta’ Ġunju.
 
Filmat u Ritratt: Ian Noel Pace